“Għandna fiduċja sħiħa fl-Ispetturi Arnaud u Zahra” – Caruana Galizia

Miguela Xuereb

Read in English.

Dalgħodu ntemm il-kontro-eżami tal-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud, li huwa l-investigatur ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara, xehed fil-qosor l-Avukat Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista assassinata, li qal li hu u wliedu għandhom fiduċja sħiħa fl-Ispettur Keith Arnaud u fl-Ispettur Kurt Zahra, li kien dak li ħabbar lil Caruana Galizia l-mewt ta’ martu.

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li huwa suspettat li hu l-moħħ wara l-assassinju, fetaħ każ kostituzzjonali f’tentattiv biex Arnaud jitneħħa minn fuq il-każ.

09:32 Il-każ ġie aġġornat għas-6 ta' Marzu f'11.45am.
Sephora Francalanza
09:32 L-avukati kkonfermaw li l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla mhux preżenti fil-Qorti minħabba l-kwistjoni ta' investigazzjoni ta' uffiċjali tal-pulizija tat-traffiku.
Sephora Francalanza
09:30 "Qabel l-elezzjoni tal-2013, Arnaud kien ġie d-dar biex jarresta lil Daphne," wieġeb Caruana Galizia għal mistoqsija ta' Caruana Curran.
Sephora Francalanza
09:30 Stqarr li kemm hu, u kemm uliedu, jafdaw lill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Semma laqgħa ta' sagħtejn f'Ottubru qabel ġie arrestat Fenech.
Sephora Francalanza
09:28 Dr Victoria Buttigieg staqsiet dwar ir-relazzjoni tal-familja Caruana Galizia mal-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud.

Dr Caruana Galizia qal li ġie infurmat bil-qtil ta' martu mill-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra. Irrakkonta kif telaq bl-għaġla mill-Belt Valletta għall-Bidnija.

Qal li staqsa lill-Ispettur kinitx mietet, u dan qallu iva.
Sephora Francalanza
09:26 L-Imħallef Lawrence Mintoff daħal fl-awla mill-ġdid.

Dr Caruana Galizia informa lill-Qorti li kien infurmat li se jintalab jixhed imma ma kellux data jew ħin.
Sephora Francalanza
09:23 Dr Caruana Galizia daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:19 Intalab jixhed l-Avukat Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

L-avukat tiegħu Andrew Borg Cardona qal lill-Qorti li se jċempillu, iżda jidher li Caruana Galizia għadu ma wasalx.

Pawża qasira sakemm jasal Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
09:16 L-avukati Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri ddikjaraw li m'għandhomx iżjed mistoqsijiet għall-Ispettur Keith Arnaud.
Sephora Francalanza
09:15 Dr Gianluca Caruana Curran, li qed jidher għal Yorgen Fenech, staqsa jekk il-Pulizija staqsewx lil Fenech dwar l-iżvelar ta' informazzjoni, peress li kien hu li qajjem is-suġġett.

L-Ispettur wieġeb li mhuwiex ċert jekk l-investigazzjoni bdietx wara li ġie arrestat Fenech.
Sephora Francalanza
09:13 L-Ispettur qal li l-investigazzjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni miexja, imma ma jistax jgħid f'liem stadju waslet.
Sephora Francalanza
09:11 L-Ispettur ġie mistoqsi fuq ix-xogħol fantażma ta' Melvin Theuma. Qal li f'dan l-istadju hemm inkjesta maġisterjali.

L-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg staqsiet dwar l-allegat żvelar ta' informazzjoni. L-Ispettur qal li kien konxju "tal-kwistjoni tal-leaks." Semma laqgħa li kellu mal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla u ma' żewġ spetturi oħra tal-Pulizija.
Sephora Francalanza
09:10 Ninsabu live minn awla 19. L-Imħallef Lawrence Mintoff daħal fl-awla.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur tal-Pulizija Nicholas Vella li huwa fl-istess taqsima ta' Ian Abdilla. Abdilla ma setax jiġi l-Qorti dalgħodu.
Sephora Francalanza

Arnaud qal lill-Qorti li kien iżomm lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat aġġornat bl-investigazzjoni.

Kemm is-sensar Melvin Theuma, kif ukoll Yorgen Fenech, stqarrew li l-eks Kummissarju għall-Pulizija Silvio Valletta kien qed jiżvela informazzjoni mill-investigazzjoni.