“Il-kontribuzzjoni tan-nisa hu kruċjali għat-tkabbir ekonomiku” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-kontribuzzjoni tan-nisa hu kruċjali għat-tkabbir ekonomiku.
Waqt id-diskors tagħha lil membri parlamentari nisa fit-Tuneżija, il-President qalet li l-politika korretta għall-parteċipazzjoni tan-nisa f’dan il-kuntest hu importanti ħafna u jgħin biex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq.
Użat lil Malta bħala eżempju u qalet kif f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sinifikanti fl-ammont ta’ nisa li ħarġu jaħdmu u sostniet li, fost oħrajn, dan seħħ permezz ta’ politika li tat childcare b’xejn.
Spjegat li b’hekk, fl-aħħar snin, il-persentaġġ ta’ nisa jaħdmu żdied minn 36% għal 52%.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li temmen li l-empowerment tan-nisa hu kruċjali għall-avvanż tal-paċi permezz ta’ avviċinament ta’ inklużjoni soċjali globali. Saħqet li dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ sistema universali li teduka għall-paċi, permezz ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u permezz ta’ parteċipazzjoni demokratika.
Qalet li b’hekk nassiguraw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.