Il-kontribuzzjoni ambjentali fuq it-turisti se tidħol mill-1 ta’ Ġunju

Il-kontribuzzjoni ambjentali fuq kull turist minn 18-il sena ‘l fuq se tiddaħħal b’effett mill-1 ta’ Ġunju.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, ħabbar dan hekk kif tenna li l-50ċ kull lejl fuq kull turist, sa massimu ta’ €5 għal kull żjara, se jmorru għal titjib tal-prodott turistiku ta’ Malta.
Spjega li l-fondi se jiġu amministrati mid-Dipartiment tad-Dħul u mmaniġġjat mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi, li tinkludi rappreżentanti tal-MHRA li se jkollha rwol importanti fl-għażla tal-proġetti li jsiru.
Waqt li qal li l-Gvern hu konxju mill-kompetizzjoni inġusta u n-nuqqas ta’ kwalità li joffru postijiet ta’ akkomodazzjoni mhux liċenzjati, il-Ministru qal li l-Gvern qed iħejji sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar din il-kontribuzzjoni.
Spjega li din it-tip ta’ kontribuzzjoni turistika fuq l-akkomodazzjoni diġà teżisti f’14-il pajjiż ieħor tal-UE fosthom fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja.