​“Il-kontribut Malti fl-Albanija ħalla ġid kbir” – il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Malta qed tħares ‘il quddiem b’fiduċja għal iktar koperazzjoni mal-Albanija.
Hija qalet dan waqt żjara statali tal-President Albaniż Ilir Meta f’Malta, fl-okkażjoni tal-45 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. 
F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta, il-President Coleiro-Preca saħqet dwar ir-relazzjonijiet politiċi, soċjali, kulturali u ekonomiċi bejn Malta u l-Albanija.
Semmiet is-sehem ta’ għaqdiet Maltin fl-Albanija, fosthom il-Patrijiet Dumnikani, il-Caritas, SOS Malta u membri tal-Mużew.
Il-President sostniet li dan l-impenn ħalla impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjali tal-Albanija. 
Iż-żewġ Presidenti tkellmu dwar il-possibiltà li l-Albanija tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u sostnew li ż-żewġ pajjiżi huma kumplimentarji għal xulxin anke fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Qalet li Malta u l-Albanija jridu jibqgħu jikkoperaw flimkien fuq l-impenn komuni ta’ drittijiet umani u l-libertà.
Laqgħat ta' korteżija mal-PM u mal-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-President Albaniż kellu laqgħat ta' korteżija mal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Jiltaqa' wkoll mal-Ispeaker tal-Kamra
Intant, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia wkoll għamel żjara ta’ korteżija lill-President Albaniż Ilir Meta, fejn tkellmu dwar skambji ta’ kummerċ u koperazzjoni fl-oqsma finanzjarji, marittimi u ta’ avjazzjoni.
Flimkien mal-Ispeaker, it-tnejn irrikonoxxew ix-xogħol siewi li twettaq fl-Albaniija l-komunità Maltija immexxijja minn Monsinjur George Frendo, ħuh Patri Ġwann Frendo, Fr Emanuel Cutajar, membri tal-Mużew, għalliema, lekċerers u intrapredituri.
Ritratt: OPR/DOI, Omar Camilleri, Reuben Piscopo, Pierre Sammut, Jeremy Wonnacott, Clifton Fenech