“Il-kontraċezzjoni u l-abort għamlu ħsara lis-soċjetà” – esperti mediċi u legali

Kelliema li indirizzaw konferenza dwar il-Humanae Vitae tkellmu dwar il-bżonn li s-soċjetà tkun evanġelizzata permezz tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika.
Esperti mediċi u legali tkellmu dwar l-effetti negattivi u ta’ ħsara tal-kontraċezzjoni u l-abort fuq is-saħħa, il-liġi u s-soċjetà u ħeġġew lil dawk li attendew għall-konferenza biex jibdlu din il-kultura permezz tal-Enċiklika tal-Knisja Kattolika li tinsisti dwar il-qdusija taż-żwieġ u tal-ħajja.
Il-laqgħa bit-tema: "Nilqgħu l-viżjoni t’Alla taż-Żwieġ, l-Imħabba u l-Ħajja" saret fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Enċiklika tal-Papa Pawlu VI, Humanae Vitae.
Helen Alvare, Professur tal-Liġi f’Università Amerikana tkellmet dwar l-isforzi biex il-kontroll tat-twelid u l-abort fl-Istati Uniti jsiru drittijiet kostituzzjonali u dan ġieb miegħu tnaqqis devastanti fis-salvagwardji legali għall-mara u t-tfal.
Fl-imgħoddi fl-Amerika kien hemm liġijiet li kienu jipprojbixxu l-koabitazzjoni bejn persuni mhux miżżewġa, il-pornografija, il-kontroll tat-twelid u l-abort iżda fis-snin 50 u 60, dawn il-liġijiet bdew jitħassru avolja l-iskop tagħhom kien li jipproteġu lit-tfal biex dawk jitrabbew f’familja minn omm u missier.
“Imsejkna nisa u msejkna tfal kienu l-aktar li sofrew minn meta daħlet il-kontraċezzjoni. Il-messaġġ tas-soċjetà hu li l-espressjoni sesswali barra miż-żwieġ tfisser libertà”, qalet  Alvare.
Il-Qrati ħassret dawk il-liġijiet bl-iskuża tad-“dritt għall-privatezza” li issa, fil-fehma ta’ ħafna jirbaħ fuq id-drittijiet l-oħra kollha.
B’riżultat ta’ dan “li ma jkollokx tfal sar l-akbar mira tal-mara. “Il-Qrati ddeċidew li l-akbar libertà għall-mara hi li tkun weħidha bis-servizz tal-kontraċettivi u l-kliniċi tal-abort”,, wissiet Alvare.
Fil-konferenza tkellmet ukoll Elizabeth Kirk studjuża tal-Liġi tal-Familja u l-Libertà Reliġjuża, li ddiskutiet it-tagħlim tal-Humanae Vitae dwar l-infertilità u t-tama li l-istess dokument joffri lil koppji li fiż-żwieġ tagħhom kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ din il-problema.
L-Enċiklika tafferma li t-tifsira tal-għaqda u l-prokreattività tal-imħabba bejn il-miżżewġin, huma inseparabbli.
Il-koppji huma msejħa biex jgħixu ħajja sħiħa anke jekk huma infertili. Dan id-dokument jgħid lill-koppji infertili li l-imħabba konjugali meta espressa b’mod sħiħ u b’fedeltà tagħmel sens anke jekk ma tirriżultax fi wlied bijoloġiċi. Għalhekk, l-Enċiklika tagħti konfort u konsolazzjoni lill-koppji infertili li jistgħu jiddixxernu u jfittxu modi kif Alla qed jara kif iż-żwieġ tagħom jista’ jkollu frott, ngħidu aħna billi jadottaw.
“It-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar iż-żwieġ, l-abort, is-sesswalità umana u l-kontraċezzjoni  hu mibni fuq ir-rispett għad-dinjità umana li tmexxi l-ħidma tal-Knisja lejn il-ġustizzja soċjali u favur il-foqra”, qal l-Arċisqof ta’ Philadelphia, Charles Chaput, li għamel id-diskors ewlieni fil-konferenza.
“Hu importanti ħafna li l-Knisja tgħid għax issostni t-tagħlim tagħha kif imfisser fil-Humanae Vitae biex id-dinja tifhem aħjar x’inhu l-pjan ta’ Alla għall-umanità kollha”, qal l-Arċisqof.