“Il-kontraċettivi jagħmlu lir-raġel egoist u jġibu vjolenza sesswali”

Il-Patri Dumnikan Wojciech Giertych, it-teologu fid-dar tal-Papa

L-użu indiskriminat tal-kontraċettivi wassal għal żieda fil-vjolenza u l-attakki kontra n-nisa. Din id-dikjarazzjoni għamilha Patri Wojciech Giertych, it-teologu tal-Papa waqt żjara li għamel f’Sydney, l-Awstralja ftit jiem ilu.

Il-Patri Dumnikan li kien inħatar f’din il-pożizzjoni mill-Papa Benedittu XVI fl-2005 qal li l-mentalità kontraċettiva, ħarbtet is-sesswalità tar-raġel u wasslet għal ħafna vjolenza fuq il-mara.

“Il-kontraċezzjoni mhix għall-mara imma għar-raġel. Lir-raġel tagħmlu egoist u tiddenigrah u issa qed naraw il-konsegwenzi ta’ dan”, qal it-teologu.

Fr Giertych qal li l-istatistika uffiċjali fl-Italja turi li bejn l-2009 u l-2011, kull erbat ijiem tinqatel mara. Aktar minn 80 fil-mija tal-persuni li wettqu dawn id-delitti kienu sieħba sesswali tal-vittmi, għarajjes, l-irġiel jew sieħba passati tan-nisa maqtula.

F’pajjiżi oħra l-vjolenza kontra n-nisa hi akbar. Fil-Messiku, per eżempju, kuljum jinqatlu sitt nisa.

“Fil-qalb u l-moħħ ta’ dawn l-irġiel, in-nisa huma trattati bħala oġġett li għalih ir-raġel għandu dritt. Dan jibdel lir-raġel għax jeħilsu minn kull responsabbiltà,” qal Fr. Giertych.

L-introduzzjoni tal-pillola għall-kontroll tat-twelid kważi 60 sena ilu, wasslet għal xitwa demografika f’ħafna pajjiżi u nuqqas ta’ interess fiż-żwieġ u fil-paternità.

Fakkar li fl-1968 kemm il-Beatu Pawlu VI kif ukoll San Ġwanni Pawlu II qabel ma sar Papa, kienu bassru li l-konraċettivi se tfixkel u tibdel is-sesswalità umana.