“Il-kontraċezzjoni hi immorali u tikkontradixxi l-imħabba taż-żwieġ”

L-Isqof Kevin Rhoades mid-djoċesi ta’ Fort Wayne-South Bend fl-Ingilterra ħareġ dikjarazzjoni wara li l-Università ta’ Notre Dame, li hemm fid-djoċesi tiegħu, ħadet miżuri dwar il-kontraċezzjoni.
Isostni li l-kontraċezzjoni hi azzjoni immorali għax tikkontradixxi l-imħabba taż-żwieġ.
Fl-istqarrija l-Isqof qal “Nappoġġja bil-qawwa kollha d-deċiżjoni tal-Università ta’ Notre Dame li twaqqaf il-provvista ta’ drogi abortivi u proċeduri ta’ sterilizzazzjoni li huma ffinanzjati mill-Gvern. Jien ferħan ukoll li l-Università se toffri servizzi ta’ ppjanar naturali tal-familja.
Iżda fl-istess waqt ma naqbel assolutament xejn mad-deċiżjoni tal-istess Università li tipprovdi fondi għall-kontraċezzjoni għax b’hekk se tkun qed tikkontribwixxi għal attività aktar  immorali.
Il-Knisja Kattolika tgħallem ċar u tond li l-kontraċċezzjoni hi azzjoni immorali li tmur kontra l-imħabba matrimonjali”.
L-Isqof Rhoades żied jgħid fid-dikjarazzjoni tiegħu li “Bħala Isqof ta’din id-djoċesi, li l-Università ta’ Notre Dame tagħmel parti minnha, nixtieq infakkar lill-fidili kollha, inkluż dawk li huma parti mill-komunità ta’ Notre Dame, it-tagħlim tal-Knisja li ‘kull azzjoni kemm qabel l-att konjugali jew wara jew fl-iżvilupp tal-konsegwenzi naturali ta’ dan l-att, għandha l-mira li tagħmel il-prokreazzjoni impossibbli, hi intrinsikament ħażina’
Lil dawk li għandhom diffikultà jaċċettaw dan ninkoraġġihom biex jitolbu u jistudjaw dan it-tagħlim tal-Knisja, fosthom permezz tal-Enċiklika Humanae Vitae, tal-Beatu Papa Pawlu VI kif ukoll  it-tagħlim tal-Papa San Ġwanni Pawlu II fil-katakeżi tiegħu “It-teoloġija tal-Ġisem”. 
Ħafna Nsara, wara li talbu u qraw dawn id-dokumenti fehmu u apprezzaw aħjar it-tagħlim tal-Knisja, qalet id-dikjarazzjoni.
L-Isqof Rhoades qal ukoll li hu jifhem ix-xewqa tal-Università Notre Dame li tirrispetta tradizzjonijiet reliġjużi oħra.
Iżda dawk il-membri tal-komunità  li jiddeċiedu li jużaw il-kontraċċettivi, m’għandhomx jistennew li l-Università tmur kontra it-twemmin Kattoliku tagħha billi tiffinanzja l-kontraċettivi.
Notre Dame hi xhieda tal-veritajiet tal-fidi Kattolika kif uriet bi kliemha u bl-azzjonijiet tagħha f’diversi okkażjonijiet u fuq diversi temi ta’ importanza għall-ġid tas-soċjetà.
Jekk ma tiffinanzjax il-kontraċettivi mhux se  jinżel tajjeb ma’ wħud, imma tkun qed tagħti xhieda profetika għall-verità dwar is-sesswalità umana u l-iskop tagħha.
Nittama u nitlob li l-Università tikkunsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni, temmet id-dikjarazzoni tal-Isqof.