Il-kontijiet residenzjali tad-dawl se jorħsu minn Marzu li ġej – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-riforma li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam tal-enerġija hija on track u l-kontijiet tad-dawl għal familji se jorħsu minn Marzu li ġej.  Hu kompla li dan se jwassal biex il-familji se jkollhom aktar flus fil-but u b’hekk ikun hemm aktar kunfidenza fl-ekonomija u b’hekk pajjizna jkun aktar kompettitiv.

Il-Prim Ministru qal dan waqt diskors fl-laqgħa politika f’Ħad Dingli.

Dwar il-rata ta’ kreditu ta’ Malta, li fil-jiem li għaddew l-aġenzija Fitch naqqset, Joseph Muscat qal li ħa nota ta’ dak li qalet din l-aġenzija fir-rapport tagħha. Hu qal kif l-Oppoizizzjoni tieħu gost bin-negattiv.

Hu semma li permezz tal-ftehim maċ-Ċina, l-Gvern se jkun qed isalva l-Enemalta, l-positijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f’Enemalta u joħloq aktar positijiet tax-xogħol. B’reazzjoni għal akkuza li saret mill-Oppozizzjoni li dan il-ftehim sar minn wara dahar il-poplu, Muscat wieġeb illi biex jiffinalizza dan il-konvenju mal-Gvern Ċiniz għandu ċans sitt xhur u mbagħad se jmur quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu.  Hu sostna li permezz ta’ dan il-ftehim għall-ewwel darba fl-istorja se jkun qed jesporta l-enerġija.

Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru, għamel referenza ukoll għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza u qal li għall-ewwel darba il-Gvern u l-Oppozizzjoni ingħaqdu flimkien mal-President biex jitfakkar dan il-jum nazzjonali. Hu deskriva li permezz ta’ dan is-simbolizmu, il-Gvern qed juri bidla fil-mentalità biex il-poplu jħalli l-firda warajh.