Il-kontejner mibdul f’għassa ġie rilokat f’post ieħor f’Wied il-Għajn

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li l-kontejner mibdul f’għassa f’Wied il-Għajn, ġie rilokata bejn il-Klabb tal-Boċċi u l-Knisja.
Qal ukoll li l-Għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn minn dejjem kienet problematika u ma kellhiex aċċess b’mod speċjali għal persuni b’diżabilità.
Il-Kummissarju qal dan waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK fejn stqarr li dan il-kontejner fl-għajn kien idejjaq iżda hija soluzzjoni vijabbli.
Sostna li għall-post il-ġdid ħarġu l-permessi min-naħa tal-Awtoritajiet kollha u ġew installati l-faċilitajiet kollha fosthom is-servizz tal-ilma, id-drenaġġ, it-telefon u l-internet.
Filwaqt li sostna li dan huwa post ideali għal għassa tal-Pulizija xorta waħda tinsab għaddejja tfittxija għal post alternattiv flok kontejner.
Qal ukoll li hawn bosta għases li għandhom bżonn manutenzjoni.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li kien onest meta qal li l-Korp bħalissa jinsab fl-inqas livell possibbli.
Enfasizza li kien hemm żmien fejn ir-rispett lejn is-superjuri u l-ġerakija fil-Korp ma kinitx tiġi osservata.
Michael Cassar saħaq li jekk il-pubbliku jemmen fil-Korp, in-nies ikunu lesti li jgħinu fil-ħidma tal-Pulizija.
Dwar it-transfers fil-Korp, il-Kummissarju qal li mhux se jmur Kuntistabbli għandu għal transfer għax m’huwa se jingħata l-ebda transfer.
Enfasizza li hemm proċedura u għadda struzzjonijiet biex kull transfer li jingħata jrid isir bil-miktub.
Michael Cassar qal li ilu 36 sena fil-Korp tal-Pulizija. Huwa kien daħal Kuntistabbli fiż-żmien meta kien hemm strajk tal-karozzi tal-linja.
Il-Kummissarju qal li jrid idaħħal mentalità ġdida fil-Korp biex jerġa jirbaħ ir-respett tal-poplu.