Kontejners jistgħu jipparkjaw fi Quarry Wharf biex iħottu – Pulizija

Google Maps

Read in English.

Il-Pulizija spjegat li wieħed jista’ jipparkja kontejner fi Quarry Wharf biex iħott jew jgħabbi skont kif indikat fis-sinjali tat-traffiku fiż-żona.

Il-Pulizija kienet qed twieġeb numru ta’ mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara li riċentament kien hemm inċident tat-traffiku riċenti fejn kunsilliera ta’ Ħaż-Żabbar spiċċat ħabtet minħabba li ma ratx dan il-kontejner jokkupa l-karreġjata fil-ħin li fih kienet tiela’ x-xemx.

Aqra: “Qed nistennew traġedja; diġà ġraw 5 inċidenti” – Is-Sindku tal-Belt

Il-Pulizija kkwotaw il-liġi fejn spjegaw li l-ebda persuna ma tista’ tipparkja trailer, vettura kummerċjali ta-tgħabijja jew xi tip ta’ vettura kummerċjali oħra mgħobbija b’kontejner għall-ħatt jew it-tgħabijja sakemm dawn ma jkollhomx il-permess tal-Kummissarju. Il-Pulizija komplew jispjegaw li l-Kummissarju huwa dak li jikkonferma fejn u fi x’ħin wieħed jista’ jħott jew jgħabbi minn kontejner.

B’referenza għal Quarry Wharf, il-Pulizija spjegaw li fit-tarf tat-triq hemm sinjal wieħed isfar li jfisser li karozza ma tistax tieqaf hemm u toqgħod tistenna. Ġie spjegat ukoll li fiż-żewġ truf tat-triq hemm sinjali li jgħidu li din iż-żona tista’ tintuża għall-ħatt u tgħabijja biss u li turi li wieħed ma jistax jieqaf hemmhekk sempliċiment biex jistenna. Dawn is-sinjali jindikaw minn fejn tibda u tispiċċa din iż-żona. Il-Pulizija spjegaw li f’din iż-żona hemm numru ta’ mħażen kummerċjali u b’hekk tintuża ħafna għal attivitajiet kummerċjali.

Aqra: “Kelli inċident ikrah minħabba kontejner f’nofs ta’ triq fil-Belt”

Fl-aħħar ġimgħat Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit li spjega li fl-aħħar snin seħħew ħames inċidenti fi Quarry Wharf fejn dawk involuti ħelsuha ħafif, iżda sostna li minn żmien għall-ieħor qed nistennew traġedja. Min-naħa l-oħra, il-Pulizija qalu li fl-aħħar sitt snin kien hemm inċident wieħed biss li ġie rrappurtat lilhom u li l-persuna li kienet involuta fih sofriet minn ġrieħi ħfief.

Zammit kien qal li hija Transport Malta li trid tieħu azzjoni u tikkontrolla biex dan il-ksur ta’ regoli tat-toroq ma jibqax isir.