Il-konsumatur fuq quddiem f’rapport minn Marlene Mizzi meqjus “eċċellenti”

Rapport imħejji mill-Ewroparlamentari Marlene Mizzi, li jpoġġi fuq quddiem it-tħassib tal-konsumaturi u l-intrapriżi żgħar, ġie deskritt mill-Parlament Ewropew bħala “eċċellenti”.
Ir-Rapport tal-MEP Maltija dwar l-Istandards għas-Seklu 21 iressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet strateġiċi sabiex ikun hemm aktar inklussiva u trasparenza fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.
Mizzi qalet li mingħajr standards komuni, il-kumpaniji ma jkunux jistgħu joperaw fis-suq uniku u n-nies ma jkunux jistgħu jużaw prodotti siguri min-naħa għall-oħra tal-fruntieri.
L-istandards li fuqhom saħqet l-Ewroparlamentari Laburista qegħdin hemm biex jiggarantixxu li l-prodotti huma adatti għall-iskop tagħhom, jaħdmu tajjeb u b’mod affidabbli biex jipprovdu kwalità għolja u protezzjoni liċ-ċittadini.
Ir-Rapport jissuġġerixxi wkoll il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ aċċess għall-istandards, reġistru Ewropew għall-istandards, u Forum Annwali ta’ Standardizzazzjoni, fejn jistgħu jiltaqgħu l-imsieħba soċjali darba fis-sena u jiddiskutu l-isfidi l-ġodda f’dan il-qasam.
Il-vot favur ir-rapport ta’ Mizzi għadda b’629 favur, 34 kontra u 30 astensjoni.