Il-konsum massimu taz-zokkor irid jonqos bin-nofs – l-esperti

Jekk tħobb il-ħelu u z-zokkor, din l-aħbar mhix se tinżillek għasel.
Ix-xjentisti qed jirrakkomandaw biex jonqos, bin-nofs, il-livell massimu ta’ zokkor li wieħed għandu jikkonsma matul il-ġurnata.
L-esperti qed jgħidu li l-bniedem m’għandux jikkonsma iktar minn 5% tal-kaloriji kollha li jieħu matul il-ġurnata, u li jkunu ġejjin miz-zokkor.
Dan biex jonqos ir-riskju ta’ ħxuna żejda u ta’ ħsara fis-snien.
Fir-Renju Unit hu stmat li t-tfal sa 3 snin jikkunsmaw kważi 12% tal-kaloriji li jkunu ġejjin miz-zokkor, ftit inqas mill-adulti sa 64 sena.
It-tfal bejn 4 u 10 snin jieħdu kważi 15% tal-kaloriji minn ħlewwiet waqt li dawk sa 18-il sena, joqorbu lejn 16%.
L-anzjani, minn 65 sena ’l fuq, ukoll jikkunsmaw iktar mid-doppju dak rakkomandat, madwar 11.5%.