Il-konsulent mediku li tneħħa kellu l-kuraġġ jappella għall-kawtela jekk jinfetħu l-iskejjel – MAM

Aġġornat 07:05 PM

L-Assoċjazzjoni tgħid li bħalissa mhux iż-żmien biex jitqassmu l-vouchers

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, l-MAM, ikkundannat it-tneħħija tal-konsulent mediku responsabbli mill-kordinazzjoni tal-COVID-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika. Il-MAM qalet fi staqrrija maħruġa t-Tnejn filgħodu li t-tneħħija ta’ dan il-konsulent saret wara li rrakomandt kawtela dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied.

Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-konsulent mediku hu Dr Kenneth Grech. Sorsi qrib il-MAM qalu li Dr Kenneth Grech irċieva telefonata mill-Ministeru għas-Saħħa jgħidulu biex iħalli minn xogħlu u jmur il-Ministeru għal xogħol ieħor

Il-MAM qalet li llejla se tkun qed tevalwa s-sitwazzjoni hekk kif se tlaqqa’ l-kunsill tal-Assoċjazzjoni biex tiddiskuti din it-tneħħija tal-konsulent mediku.

Professjonisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew ir-rabja tagħhom għal dak li ġara. Uħud qalu li mil-laqgħa tal-kumitat tal-MAM jistennew direttivi ċari, li jistgħu jinkludu azzjonijiet industrijali.

L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet mill-politiċi qed iwasslu għas-sitwazzjoni li ninsabu fiħa. Il-MAM qalet li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu mingħajr responsabilità u mhux jindirizzaw is-sitwazzjoni fit-tul dan meta fl-istess waqt il-pariri tal-esperti mediċi qed jiġu injorati.

Fl-istqarrija il-MAM fakkret fil-każ ta’ meta numru sostanzjal ta’ anzjani li marru attività ta’ tombla spiċċaw fi kwarantina u numru ieħor spiċċaw pożittivi wara li attendew għat-tomba. Semmiet wkoll kif fi żmien tal-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena saru diversi attivitajiet fosthom festini biex in-nies jiċċelebraw u dan kollu flimkien mal-messaġġi konfliġġenti minn naħa tal-gvern li wasslu biex il-każi ta’ COVID-19 jitilgħu minn 50 każ kuljum għal 200 każ kuljum, fi spazju ta’ ftit ġimgħat.

Il-MAM semmiet anke kif it-titjiriet regolari minn u lejn ir-Renju Unit għadhom għaddejjin u dan minkejja n-numru ta’ każi pożittivi fir-Renju Unit fid-dawl tal-varjant il-ġdid wkoll. Il-MAM qed tistenna anke l-analiżi tar-riżultati fuq it-testijiet għall-varjant li-ġdid.

“Il-gvern għandu jagħti s-sapport tiegħu biex jgħin l-industrija tat-turiżmu aktar milli jinkoraġixxi imġieba rresponsabbli u li tpoġġi l-ħajjiet tan-nies f’riskju,” sostniet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija li saħqet li huma n-nies li ma jafux x’qed jagħmlu jiddeċiedu li joħorġu l-vouchers f’dan l-istadju. “Jekk jiġri hekk ikun każ ta’ li wieħed jara sa mnieħu u jgħaffiġha,” tenniet il-MAM.

Fakkret wkoll li ż-żieda fil-każ tal-COVID-19 qed iwasslu wkoll għal aktar pressjoni fl-isptarijiet u fuq il-profesjonisti mediċi.

L-MUT imħassba; Tingħaqad mal-MAM fil-kundanna tagħha

L-MUT, il-Union tal-Għalliema, qalet li tinsab imħassba bl-iżviluppi tal-aħħar ħin, hekk kif ġie rrappurtat mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), fejn irreferiet għat-tkeċċija tal-konsulent mediku li ta l-pariri dwar il-kawtela fil-ftuħ tal-iskejjel.

Fi stqarrija l-MUT uriet solidarjetà sħiħa mal-imsemmi konsulent, mal-MAM u mal-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa.

“L-MUT tikkundanna t-tkeċċija tal-konsulent. Il-union tisħaq li kull professjonist huwa fid-dmir li jagħti l-parir xjentifiku fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu u dan il-fatt ma jista’ qatt iwassal għat-tkeċċija tiegħu jew tagħha.”

Għaldaqstant l-MUT għamlet talba lill-Gvern sabiex jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u jħalli lill-professjonisti kollha, inkluż u partikolarment dawk fil-qasam tas-saħħa, jaħdmu bla xkiel filwaqt li jkunu huma li jigwidaw id-deċiżjonijiet dwar il-miżuri meħtieġa sabiex titrazzan il-pandemija.

Il-Union tal-Għalliema qalet li dan ikompli jikkonferma dak li sostniet l-MUT dwar il-parir li kellu l-gvern.

“Prof. Gauci għandha tieħu r-riedni f’idejha” – Cassola

Minn naħa tiegħu l-kandidat Indipendenti, Prof. Arnold Cassola qal li din hi kwitjoni serja li taffettwa s-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna.

Fi stqarrija ftit wara li ġie żvelat l-isem tal-konsulent mediku, Cassola qal li hu tal-mistħija kif Prof. Charmaine Gauci tħalliet tintuża mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Cassola appella lill-Prof. Gauci sabiex tieħu r-riedni f’idejha u tieħu pożizzjoni kontra t-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech.

“Dr Kenenth Grech għandu jerġa jitpoġġa fil-kariga” – Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja fi stqarrija qalu li jinsabu nkwetati bit-tneħħija tal-konsulent mediku Dr Kenneth Grech.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika ngħad kif sa mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus, Dr Grech flimkien mal-kollegi tiegħu, ta’ pariri siewja dwar jekk l-istudenti u l-edukaturi għandhomx jirritornaw fl-iskejjel. Ingħad wkoll li bħala konsulent u koordinator tat-tim tal-COVID-19, Dr Grech agħmel xogħol impekkabbli sabiex titħares is-saħħa pubblika.

Filwaqt li esprimew solidarjetà ma’ Dr Kenneth Grech is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja talbu sabiex Dr Grech jerġa’ jitpoġġa fil-kariga li kien qed jokkupa u dan fl-aħjar interess tas-saħħa pubblika

“Il-gvern m’għandux jinterferixxi fil-pariri li jagħtu l-professjonisti mediċi” – UPE

Il-Union tal-Edukaturi Professjonali, l-UPE Voice of the Workers, qalet li tinsab ixxokjata bl-aħbar li konsulent mediku fil-qasam ta-saħħa pubblika tneħħa wara li ta l-parir lill-gvern dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Għalhekk, fi stqarrija, l-UPE qalet li qed tagħti s-solidarjetà tagħha lill-MAM.

“Il-gvern m’għandux jinterferixxi fil-pariri li jagħtu l-professjonisti mediċi għaliex jekk isir hekk dan jista’ jwassal biex jiżdiedu l-każi tal-COVID-19,” qalet il-UPE.

Dwar il-ftehim li ntlaħaq bejn l-MUT u l-gvern għall-waqfien tal-istrajk u għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-UPE qalet m’hix tikkummenta hekk kif ma ngħatat l-ebda dettalji dwar dan il-ftehim.

“Aġir inaċċettabbli tal-gvern; Neżiġu spjegazzjoni pubblika” – Repubblika

L-NGO Repubblika ngħaqdet mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija u mal-Malta Union of Teachers biex turi x-xokk u n-nuqqas ta’ qbil tagħha għat-tneħħija tal-Konsulent u Lettur Dr Kenneth Grech minn koordinatur tat-tim tal-COVID-19.

“Hu inaċċettabbli li profesjonist mediku jitwarrab għaliex ikun ta parir skond il-kuxjenza tiegħu u skond il-ġurament tiegħu ta’ tabib. Dan kien proprju d-dmir ta’ Dr Grech u mhux raġuni biex jitkeċċa,” saħqet Repubblika permezz ta’ stqarrija.

L-NGO qalet li dan il-pass jiddemoralizza u jwassal messaġġ ħażin ħafna lill-professjonisti mediċi kollha, u ċioe’ li għandhom ipoġġu r-rieda tal-gvern qabel il-ġurament li ħadu li jħarsu saħħet il-pubbliku.

Repubblika saġqet li l-gvern għandu, mingħajr dewmien, jagħti lill-pubbliku spjegazzjoni ċara tal-imġieba tiegħu f’dan ir-rigward.

Repubblika rringrazzjat lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom b’sagrifiċju biex pajjiżna jaffaċċja l-pandemija bl-anqas telf possibbli ta’ ħajjiet.