Il-konsagrazzjoni ta’ tempju jġedded fina l-konsagrazzjoni bħala Kattoliċi – L-Arċisqof

Curia – church.mt/photos

Il-konsagrazzjoni ta’ tempju jġedded fina l-konsagrazzjoni bħala Kattoliċi. Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna waqt li kien qed jindirizza lin-nies li nġabru għall-konsagrazzjoni tal-knisja magħrufa bħala l-Knisja ż-Żgħira u li tagħmel parti mill-Parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi.

Waqt l-omelija l-Arċisqof qal li waqt li qed jiġi kkonsagrat il-bini għażiż, irridu nkomplu nikbru f’komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba.  Hu spjega kif il-konsagrazzjoni tal-knisja tant għażiża, li fit-tarf tar-raħal dak iż-żmien kienet ukoll sinjal tal-protezzjoni ta’ Alla fuq il-poplu Qormi, hija stqarrija sempliċi daqskemm hu qawwi.

Hu qal li l-fidi hi li wieħed jagħraf li Alla, jħobbu u jafdah bħala missieru li jieħu ħsiebu. “Il-fidi tgħinek tieħu l-Kelma tiegħu bis-serjetà, tisimgħu, tafdah u tobdih”, żied jgħid.

L-Arċisqof spjega kif it-tama tgħin biex fil-mument tad-dlam, wieħed ma jaqtax qalbu. Hu qal li għandek ankra marbuta ma’ blata samma u meta jonfoħ ir-riħ qawwi inti m’intix se tiġġarraf għax it-tama hija l-ankra li żżommok sod. “It-tama tgħinek li meta tħossok waħdek tifhem li Alla m’abbandunakx, li meta tħossok mgħobbi bit-toqol tal-ħajja tifhem li Alla mhux se jgħabbik iżjed milli tiflaħ”, stqarr Mons. Scicluna.

“L-imħabba tagħmilna tassew ulied Alla għax Alla huwa mħabba u l-imħabba lejn Alla li ma narawhx, tissarraf fil-verità, fl-imħabba ta’ ħutna. L-imħabba konkreta hija sinjal li l-imħabba lil Alla li ma jidhirx, hija ta’ vera”.

L-Arċisqof spjega kif dawn il-valuri jridu jitħaddnu bħala komunità. Saħaq li rridu nissaffew minn dak kollu li jbegħedna minn Alla u nħaddnu bil-qawwa dak li għamilna xebh tiegħu.

“Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Waqt il-konsagrazzjoni, l-Arċisqof spjega kif din hi stqarrija li l-komunità qed tagħmel: li għandna bżonn il-Mulej. Qal li Ħal Qormi b’dan il-ġest qed jgħid ‘Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok. Kompli berikna, bierek il-familji tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, il-ħaddiema tagħna, is-saċerdoti u r-reliġjużi, il-miżżewġin kollha, il-professjonisti, dawk kollha li jitħabtu għar-raħal, għall-belt Pinto. Aħna għandna bżonnok, għandna bżonnok biex taħfrilna dnubietna u għandna bżonnok biex aħna ngħixu bħal aħwa ma’ kulħadd’.