Aġġornata: Il-Konklavi se jibdew nhar it-Tlieta, 12 ta’ Marzu

Waqt it-tmien Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kulleġġ tal-Karinali ġie deċiż li l-Konklavi biex jinħatar Papa ġdid se jibdew nhar it-Tlieta, 12 ta’ Marzu.

It-Tlieta filgħodu ser tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru.

115-il Kardinal se jidħol għall-Konklavi wara nofsinhar. F’Sala Regia fil-Kappella Sistina, se jkunu bilqiegħda fl-ordni ta’ preċedenza. Wara li jsibu posthom, se jsir mument ta’ meditazzjoni mmexxi mill-Kardinal Malti Prospero Grech.

Wara, l-Kardinali jieħdu ġurament li jsegwu r-regoli tal-Konklavi. Dawn jinkludu fedeltà lejn il-Papa li jiġi elett u segretezza. Il-Kardinal Dekan Angelo Sodano jaqra’ l-ġurament u l-Kardinali jagħmlu l-wegħda tagħhom.

Ikun imiss li jħallu s-sala dawk kollha li mhux se jipparteċipaw fil-Konklavi.

Skont il-Kostituzzjoni Apostolika, wara l-ewwel jum, jista’ jittieħed vot. Jekk ħadd ma jiġi elett wara dan il-vot, isiru erba’ voti kull jum li jsegwi; tnejn filgħodu u tnejn filgħaxija. Jekk wara tlett ijiem ma jkunx intgħażel Papa, il-proċess jiġi sospiż għal massimu ta’ ġurnata. F’dan il-ħin isir talb, riflessjoni u meditazzjoni. Sabiex jiġi elett Papa, hemm bżonn il-maġġoranza ta’ żewġ terzi.

Mill-115-il Kardinal li se jivvota u li hu eliġibbli biex isir Papa, nofs huma Ewoprej. L-iktar nazzjon irrappreżentat huwa l-Italja, bi 28 Kardinal.

60 Karindal huma Ewropej, 19 mill-Amerka Latina, 14 mill-Amerka ta’ Fuq, 11 mill-Afrika, 10 mill-Ażja u Kardinal mill-Oceania.

L-età medja hi ta’ 71. 67 mill-Kardinali li se jkunu preżenti għall-Konklavi nħatru mill-Papa Emeritu, Benedittu XVI.

Dan ser ikun il-75 konklavi fl-istorja tal-Knisja Kattolika.