Il-Kongo u l-Ginea Ekwatorjali l-ewwel li jgħaddu għall-fażi li jmiss

Minn Grupp A tat-Tazza tan-Nazjonijiet Afrikani, il-Kongo għelbu lill-Burkina Faso bl-iskor ta’ 2-1 u l-Ginea Ekwatorjali għelbu lill-Gabon bl-iskor ta’ 2-0.
Il-Kongo li kienu f’ras il-grupp b’erba’ punti, żiedu tliet punti importanti oħra li bihom rebħu dan il-grupp.
Wara li l-ewwel taqsima ma tantx offriet spettaklu miż-żewġ naħat, fit-tieni taqsima l-plejers tal-Kongo dehru ferm determinati.
Thievy Bifouma fetaħ l-iskor fil-51 minuta u kien hawn li l-plejers ta’ Burkina Faso qamu fuq tagħhom.
Fil-fatt Aristide Bance skurja l-gowl tad-dro fis-86 minuta.
Iżda l-aħħar kelma kienet tal-Kongo li ħarġu rebbieħa b’gowl ta’ Fabrice N'Guessi fis-87 minuta.
Fit-tieni logħba, kontra kull mistenni, l-Gabon tilfu mal-Ginea Ekwatorjali bl-iskor ta’ 2-0.
B’hekk il-pajjiż ospitant għamilha wkoll għall-fażi li jmiss, permezz ta’ penalty skurjat minn Balboa fil-55 minuta u Iban Edu ssiġilla r-rebħa fis-86 minuta.
Illum inkunu nafu min se jikkwalifika minn Grupp B, meta l-Cape Verde jilagħbu kontra ż-Żambja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo kontra t-Tuniżija.
Minn dan il-grupp it-Tuniżija għandhom erba’ punti, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Cape Verde żewġ punti u ż-Żambja b’punt.