Il-konfrontazzjoni li wasslet lill-għalliema fl-iskejjel tal-istat biex jagħmlu strajk ta’ jumejn setgħet ġiet evitata, ammettiet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Caruana ġiet intervistata minn Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s heart, bil-preżentatur jgħid li l-ftehim li temm l-istrajk jindika li ma kienx hemm problemi ta’ barra minn hawn. B’hekk staqsa jekk l-istrajk setax jiġi evitat.
Il-ministru stqarret li kienet esperjenza li tgħallmet ħafna minnha, u żiedet li kienet toffri lezzjoni għal kulħadd: li bir-rieda tajba, soluzzjoni setgħet tintlaħaq.
“Din l-esperjenza għallmitna kemm hu aħjar li nwarrbu l-individwaliżmu u niddjalogaw,” qalet Caruana.
Il-ministru ma taqbilx mal-attakki fuq l-għalliema
Azzopardi nnota li l-istrajk wassal lil ħafna nies jagħmlu kritika ħarxa fil-konfront tal-għalliema, u staqsa lil Ministru tikkumenta dwar dan. Caruana enfasizzat li ma taqbilx ma dawn l-attakki fuq l-għalliema – jew fuq ebda professjoni oħra.
Żiedet ukoll li ħareġ ċar mhux biss kif l-edukaturi għandhom rwol kruċjali edukattiv, iżda wkoll għenu biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19. Innotat li żidiet fil-każi kienu qed jiġru matul il-vaganzi, u mhux meta t-tfal ikunu l-iskola.
Fl-istess ħin, però, il-ministru osservat li l-istrajk ħoloq kaos, partikolarment għal ġenituri li ħadu t-tfal l-iskola u sabu li ma kien hemm ħadd jistennihom.
Innutat li l-għalliema li m’obdewx id-direttivi għamlu dan minħabba “sens ta’ dover,” anke jekk ikkjarifikat li mhux qed tikkundanna min obdihom.
L-istrajk dam jumejn, imma l-għalliema se jirritornaw fl-iskejjel nhar it-tnejn wara li ntlaħaq ftehim mal-Malta Union of Teachers.
Il-Union of Professional Educators kienet appoġġjat l-istrajk, però kkritikat il-ftehim li ntlaħaq bil-qawwa.