Il-konfessur irid jgħin liż-żgħażagħ jifhmu l-vokazzjoni tagħhom

Nhar il-Ġimgħa l-Papa Franġisku tkellem ma’ numru ta’ konfessuri u qalilhom  li għandhom responsabbiltà speċjali li jgħinu liż-żgħażagħ jifhmu sew x’inhi l-vokazzjoni f’ħajjithom.
Hu kien qed jitkellem mal-parteċipanti ta’ kors li jkun organizzat kull sena mill-Penitenzjarju Apostoliku li din is-sena in vista tas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ hu ffukat fuq ir-relazzjoni bejn is-Sagrament tal-Qrar u d-dixxerniment  vokazzjonali.
Il-Papa qal lill-konfessuri żgħażagħ li jridu jifhmu r-rwol tagħhom bħala strument tal-ħniena t’Alla u qatt m'għandhom ifittxu li jikkmandaw huma l-kuxjenzi tan-nies. Qalilhom li huma biss strumenti tar-rikonċiljazzjoni. Dan mhux biex wieħed inaqqas mid-dinjità tal-ministeru tagħhom imma biex wieħed jisma’ b’umiltà lill-Ispirtu biex inkunu nistgħu naraw lill-Kristu bħala l-qassis il-kbir tagħna.
Qalilhom li jridu jitgħallmu kif jisimgħu l-mistoqsijiet li jsirulhom qabel ma jagħtu tweġiba. Il-konfessur irid ikun semmiegħ tajjeb kemm biex jisma’ lill-penitent kif ukoll lill-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu nisimgħu l-Kelma t’Alla. Jekk nisimgħu b’ubbidjenza lill-Ispirtu, nistgħu npoġġu liż-żgħażagħ f’kuntatt ma’ Kristu nnifsu.
Il-Papa żied jgħid li anke ż-żgħażagħ iridu jkunu kapaċi jisimgħu l-vuċi t’Alla fil-kuxjenza tagħhom u billi jisimgħu u jaqraw l-Iskrittura. Hu importanti li l-konfessur jakkumpanja lin-nies f’dan il-vjaġġ li jista’ jsir ukoll il-konsulent spiritwali tagħhom. Madanakollu nsista li s-saċerdoti għandhom jaċċettaw li jagħmlu dan jekk ikunu mitluba u qatt ma jippreżentaw ruħhom minn jheddhom għal dan ir-rwol.
“Id-dixxerniment ta’ vokazzjoni”, żied jgħid il-Papa, “ifisser li ngħinu liż-żgħażagħ jaqraw is-sinjali li Alla jpoġġi fil-ħajja ta’ kull wieħed minnhom permezz tat-talb u l-inklinazzjonijiet personali u fil-laqgħat ma’ nies oħra”.
Il-Papa temm jgħid li l-konfessur, fuq kollox hu msejjaħ biex ikun xhud billi jġorr id-dnubiet tal-penitent, kif għamel Kristu u billi jkunu xhieda tal-ħniena t’Alla għall-iben prodigu li hu fil-qalba tal-Evanġelju.