Il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra tipprepara għas-Sinodu 2018

L-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales qed jagħmlu stħarriġ fost iż-żgħażagħ biex it-tweġibiet  miksuba minnu jintużaw bi preparazzjoni għall-15-il Sinodu tal-Isqfijiet  li se jmexxi l-Papa Franġisku fl-2018.
L-istħarriġ, imsejjaħ Mega Youth Poll, jistaqsi liż-żgħżagħ bejn it-13 u 29 sena tad-diversi reliġjonijiet kif ukoll lil dawk li ma jemmnux, diversi domandi li jvarjaw minn “kif inhi l-ħajja għalik” sa “kemm tħossok qrib Ġesu’”.  
Il-parteċipanti  jkunu mistoqsija wkoll juru l-fehma tagħhom dwar attivitajiet taż-żgħażagħ u kemm jaħsbu li l-Knisja Kattolika hi nteressati fil-ħajja tagħhom.
Il-kwestjonarju hu wieħed anonimu u biex jimtela’ sew, wieħed irid jiddedika bejn 15 u 20 minuta. Ir-risposti jintużaw biex jitħejja rapport li jintbagħat il-Vatikan biex ikun kunsidrat fil-preparazzjoni għas-Sinodu tal-isqfijiet li se jsir f’Ruma f’Ottubru ta’ sena d-dieħla.
F’survey simili dwar il-Familja u ż-Żwieġ li kien sar qabel l-aħħar Sinodu fuq il-Familja, kienu wieġbu 16,500 persuna u kien hemm kritika qawwija meta l-Isqfijiet Ingliżi ma ppublikawx ir-riżultati ta’ dak l-istħarriġ.