L-Isqfijiet Maltin b’appell għat-talb għall-paċi fis-Sirja u fid-dinja

Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku talab għall-paċi fid-dinja b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Konferenza Episkopali Maltija qed tirrakkomanda li jittieħdu inizjattivi fid-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex.

Il-Konferenza Episkopali Maltija sostniet li tajjeb li tintlaqa’ t-talba tal-Papa biex nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru, lejlet il-Festa tat-twelid ta’ Marija, Omm il-Paċi, tkun ġurnata ta’ sawm u talb għall-paċi fis-Sirja, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha.

Barra minn hekk, nhar is-Sibt fi Pjazza San Pietru, il-Papa se jmexxi velja ta’ talb bejn is-7 pm u nofsillejl. Din il-velja se tkun imxandra wkoll fuq Radju RTK u Radju Marija.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza Episkopali Maltija għad-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex jinkludu:

  • li nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru (l-ewwel Ġimgħa tax-xahar) il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun dik tal-paċi u l-ġustizzja, u wara ssir adorazzjoni għal din l-intenzjoni tal-Papa;
  • li t-talba tar-Rużarju matul dawn il-ġranet tiġi offruta b’din l-intenzjoni;
  • li fit-tqarbin tal-morda, li jsir fl-isptarijiet, fid-djar u fid-Djar tal-Anzjani, il-morda kollha jkunu mitluba joffru t-talb u t-tbatijiet tagħhom għall-istess intenzjoni;
  • li l-komunitajiet ta’ Ħajja Konsagrata u l-membri tal-Għaqdiet Ekkleżjali, fit-talb u l-laqgħat ta’ bejniethom, jagħmlu din l-intenzjoni;
  • li fil-quddies ta’ nhar is-Sibt filgħaxija u nhar il-Ħadd matul il-ġurnata, fit-talba tal-Fidili tingħad din it-talba:                                                                           Għall-paċi fid-dinja kollha, b’mod speċjali fis-Sirja u l-Lvant Nofsani. Agħti, Missier, għat-talb ta’ Ommna Marija, l-għerf tiegħek lill-mexxejja tal-ġnus biex ifittxu l-paċi fost il-popli. Biegħed mid-dinja l-gwerer u l-kunflitti li jġibu l-qerda u nissel fi qlub il-bnedmin kollha mħabba u ġustizzja li jwasslu għall-għaqda u s-sliem. Nitolbu.