Il-Konfederazzjoni tan-Nisa tħeġġeġ lill-PM juri tolleranza zero għall-vjolenza fuq in-nisa

Anke l-Konfederazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa uriet id-dispjaċir tagħha għad-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, wara dak li ngħad fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra fil-konfront tal-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia.
Il-Konfederazzjoni qalet li ma tistax tifhem kif theddida ta’ vjolenza fiżika fuq mara tqieset b’mod daqshekk leġġer fil-Parlament u qalet li dan jibgħat messaġġ ħażin fis-soċjetà.
Il-Konfederazzjoni ħeġġet lill-Prim Ministru biex jieħu l-azzjoni meħtieġa fil-konfront tad-deputat Laburista Joe Debono Grech u juri tolleranza zero għall-vjolenza fuq in-nisa.
Saħqet li jekk wieħed ma jagħmel jew ma jgħid xejn dwar dak li ġara, ifisser li jħaddan vjolenza fuq in-nisa fl-ogħla livell possibbli minn min għandu r-responsabilità li jara li l-vjolenza tiġi meqruda mis-soċjetà.