Il-Papa joffri l-kondoljanzi tiegħu għall-massakru fi New Zealand

Security forces at one of the attacked Mosques in Christchurch

Il-Papa Franġisku dalgħodu stess esprima s-sogħba u s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu kollu ta’ New Zealand wara l-attakki li saru f’żewġ moskei li ħallew 40 persuna mejta u 50 oħra feruti, uħud minnhom f’kundizzjoni gravi ħafna.

F’messaġġ li bagħat permezz tal-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li kien ixxukkjat u mdejjaq meta sema’ bl-imwiet u l-ferimenti mwettqa fi vjolenza bla sens f’żewġ moskei fi Christchurch u jixtieq jassigura lill-poplu kollu ta’ New Zealand u b’mod partikolari lill-komunità Musulmana, mis-solidarjetà sħiħa tiegħu.

Il-Qdusija Tiegħu filwaqt li jagħraf id-diffikultajiet  li qed jaħdmu fihom il-forzi tas-sigurtà u l-ħaddiema tal-emerġenza f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, qed jitlob għall-fejqan tal-feruti u biex dawk li tilfu l-għeżież tagħhom f’din it-traġedja jsibu konsolazzjoni. Il-Papa jitlob ‘l Alla li jkollu ħniena minn dawk li sfaw maqtula u jitlob għall-ħniena t’Alla fuq il-pajjiż kollu.

Sadattant anke l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ New Zealand, f’messaġġ li bagħtu lill-komunità Musulmana ta’ New Zealand qalu: “Hekk kif smajna bl-aħbar terribbli tal-vjolenza kontra l-Musulmani fil-moskej ta’ Christchurch, qed nitolbu għalikom. Aħna għandna relazzjoni pożittiva mal-Iżlamiċi li jgħixu f’dan il-pajjiż u ninsabu xxukkjati li din il-vjolenza seħħet f’postijiet u fil-ħin tat-talb.”

“Jiddispjaċina ħafna li nqatlu numru ta’ persuni u oħrajn feruti u qalbna tinsab magħhom u mal-familji tagħhom u l-komunità Musulmana kollha kemm hi. Ngħidulkom li aħna solidali magħkom quddiem din il-vjolenza.

Il-messaġġ li temm bil-kliem: “Paċi, Salaam” kien iffirmat mill-ħames Isqfijiet Kattoliċi ta’ New Zealand.