“Il-komunità Kristjana għandha tkun ħanina u tgħin” – il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku qal li l-komunità  Kristjana għandha tieħu l-eżempju ta’ Alla li huwa ħanin u li jgħin lil kull persuna biex timxi fi triq it-tajba.
Waqt l-Anġelus, il-Papa qal li Alla mhux qiegħed ’il bogħod mill-bniedem u dejjem joffrilu l-għajnuna biex jegħleb il-limiti tiegħu.
Fil-festa tat-Trinità Mqaddsa, il-Papa qal li Alla jaħfer l-iżbalji tal-bniedem u jerġa’ jieħdu fit-triq tal-ġustizzja u tal-verità.
Spjega li Alla huwa mħabba li qiegħed f’relazzjoni mal-bniedem.
Żied jgħid li kienet l-imħabba t’ Alla li wasslet biex Ġesù, bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu miet għall-bniedem. Saħaq li din l-imħabba tefgħet dawl ġdid fuq id-dinja u fuq kull persuna li jiftaħ qalbu għaliha.
Huwa ddeskriva d-dawl tal-imħabba t’Alla bħala dawl li jippenetra f’kull rokna mudlama li jkebbes il-qalb għall-ħniena u l-karità.