Il-Komunita’ Internazzjonali għandha twaqqaf il-brutalita’ tal-ISIS

Kienu bosta t-temi li l-Papa Franġisku tkellem dwarhom fil-Milied, fosthom dik dwar it-terroriżmu fejn appella lill-komunita’ internazzjonali  biex twaqqaf it-terroriżmu brutali tal-ISIS u terroristi oħra, waqt li talab għall-paċi fis-Sirja, il-Libja u  reġjuni oħra madwar id-dinja fejn hemm il-gwerer.
“Nitolbu lil Alla biex il-Ftehim milħuq min-Nazzjonijiet Uniti jirnexxielu jwaqqaf malajr kemm jista’ jkun, il-ġlied bl-armi fis-Sirja u jirrimedja għas-sitwazzjoni umanitarja gravi li minnha qed isofri l-poplu ta’ dan il-pajjiż.  Hu wkoll urġenti li kulħadd jappoġġja ftehim fil-Libja biex jitwarrbu d-diviżjonijiet kbar u l-vjolenza fil-Libja”, qal il-Papa.
“L-attenzjoni tal-komunita’ internazzjonali għandha tkun iffukata unanimament biex jieqfu l-atroċitajiet li fis-Sirja, il-Libja, l-Iraq, il-Yemen u l-Afrika li għadhom sal-lum iħalli ħafna vittmi u joħolqu tbatija immensa u li qed ikissru l-patrimonju storiku u kulturali ta’ popli sħaħ.
“Il-ħsibijiet tiegħi imorru wkoll fuq dawk milquta mill-atti brutali ta’ terroriżmu, partikolarment l-aħħar massakri fl-Eġittu, Beirut, Pariġi, Bamako u t-Tunisija”.
Papa Franġisku żied jgħid: “Lil ħutna li fid-diversi nħawi tad-dinja huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom, nitlob lil Ġesu’ Bambin jikkunslahom u jagħtihom il-forza”.
Il-Papa talab ukoll għall-paċi u ftehim fost il-popli tal-Congo, il-Burundi u s-Sudan t’Isfel u esprima l-viċinanza tiegħu lejn il-vittmi tat-traffikar uman kif ukoll mal-imigranti u r-refuġjati li qed ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-ġlied.
“Nixtieq li l-viċinanza tagħna tinħass ukoll minn dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment it-tfal maqbuda bħala suldati, in-nisa vittmi tal-vjolenza u l-vittmi tat-traffikar uman u tan-negozju tad-droga.
“Ejja ma nonqsux milli nappoġġjaw lil dawk li qed jaħarbu mill-faqar jew gwerer li spiss ikollhom jivjaġġaw f’kundizzjonijiet inumani u jirriskjaw ħajjithom. Il-Bambin iħallas lil dawk l-individwi u pajjiżi li qed jaħdmu b’ġenerożita biex jassistu u jilqgħu lill-ħafna imigranti u refuġjati jibnu futur dinjituż għalihom u għall-għeżież tagħhom u jgħinuhom jintegraw fis-soċjetajiet li jilqugħhom”, kompla jgħid il-Papa Franġisku.
Hu appella wkoll biex Iżrael u l-Palestina “jerġgħu jibdew djalogu dirett” biex jilħqu ftehim li jassigura liż-żewġ popli jgħixu flimkien f’armonija u jintemm il-kunflitt li ilu għaddej ħafna snin b’riperkussjonijiet gravi għar-reġjun kollu.
“Fejn twieled Alla, twieldet it-tama. Fejn twieled Alla twieldet il-paċi. U fejn twieldet il-paċi ma hemmx aktar lok għall-mibegħda u l-gwerer. Iżda preċiżament fejn Iben Alla ġie fid-dinja, qed jippersistu t-tensjoni u l-vjolenza u l-paċi għadha don li rridu nitolbu għaliha u nibnuha flimkien”, temm jgħid il-Papa.