Il-komunità barranija f’Malta tingħaqad biex tgħin raġel li spiċċa b’xejn

Aġġornat 08:44 PM

Wara li ritratt ta’ raġel Indjan li tilef xogħlu u daru minħabba l-pandemija tpoġġa fuq il-grupp ta’ Facebook Expats Malta, għexieren ta’ persuni nġabru biex jgħatu daqqa t’id sabiex dan ir-raġel joħroġ minn din is-sitwazzjoni diffiċli.

Fil-post fuq Facebook kien spjegat kif ir-raġel ilu li tilef xogħlu madwar erba’ xhur minħabba l-coronavirus. Issa, jidher li għal xi ġimgħat kien qed jorqod f’gazebo li jinsab l-Imsida. Fl-aħħar jiem, tliet persuni serqulu l-mowbajl. Minkejja li pprova jfittex xogħol, jidher li ma jistax isib.

Minħabba li r-raġel allega li kien impjegat mal-Malta Public Transport u xogħolu ġie tterminat, Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-entità fejn staqsa għal aktar dettalji dwar il-każ u anke jekk sarux aktar tkeċċijiet u r-raġuni warajhom kinitx il-coronavirus. Kelliema għall-kumpanija insistiet li l-kumpanija ma keċċiet lil ħadd b’rabta mal-coronavirus matul din is-sena.

Dwar il-każ speċifiku tar-raġel, il-kelliema kompliet tgħid li r-raġel tkeċċa minħabba raġuni ġusta wara proċeduri dixxipplinarji kontrih waqt li kien bil-probation u waqt li kien għadu qed jiġi mħarreġ. Spjegat li dan seħħ f’Jannar 2019 wara li kien ilu impjegat tal-kumpanija erba’ xhur. Iċċarat li l-impjegat qatt ma ħadem bħala xufier tal-linja f’Malta.

Intant, għexieren ta’ persuni kkummentaw fuq il-post, min offra li jixtri sim card u jagħti mowbajl lir-raġel, min offra li jagħti ħwejjeġ, żraben u flus, u kien hemm min saħansitra offrielu impjieg. Diversi persuni kkuntattjaw entitajiet differenti lokali li jistgħu jidħlu sabiex joffru għajnuna lir-raġel. Wara li kien hemm min ikkuntattja l-Kummissjoni Għolja għall-Indja, din offriet l-għajnuna lir-raġel u qalet li qed tikkuntattjah min-naħa tagħha. Bl-istess mod, l-għaqda Caritas Malta jidher li offriet li r-raġel imur jgħix f’Dar Papa Frangisku fejn jistgħu joffrulu ikel, ħwejjeġ, post fejn jinħasel u anke post fejn jorqod.

Fil-kummenti iżda ħareġ aktar lok għal tħassib meta diversi persuni li marru fil-post fejn qed jorqod dan ir-raġel, spjegaw li hemm aktar minn persuna waħda li spiċċaw mingħajr xogħol u saqaf fuq rashom.

Raġel partikolari qal li meta hu mar hemm sab total ta’ seba’ persuni li qalulu li spiċċaw mingħajr dar. Qal li kien hemm żewġ Maltin, Rumen, żewġ Serbi, Indoneżjan u Indjan. Qal li hu tkellem magħhom u dawn spjegawlu kif is-sitwazzjoni tal-coronavirus ħalliethom mingħajr xogħol u mingħajr dar. Qal li hu pprovdilhom l-ikel u ħwejjeġ u se jkun qed ikellem il-Kummissjoni Għolja tal-Indja sabiex tgħin lir-raġel Indjan imur lura pajjiżu. Appella sabiex min jista’ jgħin lill-persuni tan-nazzjonalitajiet l-oħrajn ikunu ripatrijati jgħin min-naħa tiegħu wkoll.