Il-Komunisti Russi jridu apoloġija u li jinġibed mill-ġdid l-aħħar staġun ta’ Games of Thrones

Maisie Williams bħala Arya Stark. L-isem Arya sar ferm popolari fir-Russja

Il-Komunisti Russi kitbu ittra miftuħa lill-kumpanija HBO u lill-producers ta’ Game of Thrones fejn qed jinsistu biex jerġa’ jinġibed mill-ġdid l-aħħar staġun tas-sensiela.

Sergei Matasov, is-Segretarju tal-kumitat reġjonali tar-Repubblika ta’ Altai, tenna li fir-Russja hemm bosta fans sinċieri ta’ din is-sensiela meraviljuża “għaliex din turi l-konsegwenzi ta’ xi jseħħ meta pajjiż jitmexxa minn reġim monarkista.”

Skont il-membri tal-partit Komunista, il-producers ta’ Game of Thrones naqsu milli jisimgħu xi xtaqu l-fans tagħhom biex spiċċaw li “tilfu l-fil tal-istorja, għamlu mandra mit-tmiem tal-istorja b’reċtar mill-agħar.”

Mhux hekk biss imma akkużaw lill-HBO li l-kumpanija ddiżappuntat miljuni ta’ fans u x’aktarx li bagħbsu mill-finanzi allokati għas-sensiela, “flus li ġew mit-taxxi ta’ ħaddiema ordinarji Amerikani u minn fuq nies b’ġilda sewda magħfusa taħt ir-riġlejn.”

Barra milli talbu li jerġa’ jinġibed mill-ġdid l-aħħar staġun, il-Komunisti talbu li meta jiġbdu mill-ġdid dan l-istaġun ikunu nvoluti wkoll sħabhom tal-Partit Komunista Amerikan.

Jidher li Game of Thrones niżlet sew mal-poplu Russu għax skont gazzetti fil-pajjiz issa hemm bosta tfajliet li qed iġorru l-isem ta’ Arya, waħda mill-karattri fis-sensiela.