Il-komunikazzjoni trid tgħin fil-libertà tal-espressjoni

Aktar minn 400 persuna responsabbli mill-qasam tal-komunikazzjoni ltaqgħu f’Ruma l-ġimgħa li għaddiet biex jibdew diskussjoni dwar xi tfisser verament il-libertà tal-espressjoni fil-qasam pubbliku, partikolarment fis-soċjetà tal-lum.
“Id-djalogu, ir-rispett u l-libertà tal-espresjoni fil-qasam pubbliku" kienet it-tema tal-11-il seminar professjonali għall-Uffiċjali tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Knisja li sar fl-Università Pontifiċja tas-Salib Imqaddes.
F’dawn iż-żminijiet fejn il-“fake news” u l-“post truth” jidhru li qed jiddominaw id-dibattitu pubbiku, qed ikunu proposti ċerti restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni.
F’xi pajjiżi, il-messaġġ Nisrani nnifsu qed ikun limitat ħafna permezz ta’ ċensura sottili u dibattiti mmanipulati għal persekuzzjoni. L-uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-Knisja għandhom jikkontribwixxu biex tkompli tixtered informazzjoni libera u veritiera għax dan hu servizz indispensabbli għas-soċjetà.
Biex wieħed jiżviluppa rispett fil-qasam tal-komunikazzjoni pubblika, kif jixtieq il-Papa Franġisku, irid qabel xejn jirrealizza li dan ix-xogħol “jolqot in-nies personalment b’isimhom” u “mhux il-masses”, qal il-Kanċillier tal-Università Pontifiċja tas-Salib Imqaddes li hu wkoll il-mexxej tal-“Opus Dei”.
Fost it-temi diskussi kien hemm dawk tal-“fake news” u l-“post-truths”.  Mons. Ocariz, id-Dekan tal-Uniersità, qal li fejn jidħlu l-aħbarijiet foloz, wieħed irid jifhem sew li hemm bżonn tiġġedded il-professjoni tal-informazzjoni għax “bniedem infurmat tajjeb hu persuna ħielsa u responsabbli u allura kapaċi jikkontribwixxi fis-soċjetà u fis-solidarjetà”.
Dwar id-djalogu hemm bżonn li wieħed ikollu d-dispożizzjoni li jifhem lill-oħrajn u l-fehmiet tagħhom u jfittex aspetti konkreti li qatt ma kienu kkunsidrati qabel u b’hekk itejjeb il-proposta tiegħu u jagħmilhom jinftiehmu aktar. F’dinja kummerċjali kkaraterizzata mill-għaġġla u l-immedjatezza – wieħed irid jaqdi dmiru b’serħenità li tgħinna nagħmlu xogħol tajjeb, niskopru d-dimensjoni tal-eternità u nistrieħu f’Alla.