Il-komunikazzjoni għandha s-saħħa li tibni pontijiet – il-Papa

Il-komunikazzjoni għandha s-saħħa li tibni pontijiet, li twassal għal laqgħa u inklużjoni bejn uċuħ differenti, u għalhekk tagħmel lis-soċjetà waħda iktar sinjura.
Ir-riflessjoni hi tal-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-50 Ġurnata Dinjija għall-Komunikazzjoni Soċjali, li din is-sena għandha t-tema “Komunikazzjoni u Ħniena: Laqgħa li tagħti l-frott”.
Din hi l-unika ġurnata dinjija li twaqqfet direttament mill-Konċilju Vatikan it-Tieni, bil-Papa stess jgħid li l-Knisja, bħala inkarnazzjoni tal-Missier il-Ħniena, għandha l-istess ħniena bħala karatteristika li tiddistingwiha f’dak li hi u f’dak li tagħmel.
Dak li wieħed jgħid, kif jgħid, kull kelma u azzjoni, għandu jirrifletti l-kompassjoni t’Alla, il-ħlewwa u l-maħfra lejn kulħadd. L-imħabba, kompla jgħid il-Papa, hi komunikazzjoni, twassal biex dak li jkun jiftaħ lilu nnifsu lejn ħaddieħor, u jaqsam.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa ndirizza tliet udjenzi prinċipali: lill-pubbliku b’mod ġenerali, lill-politiċi u lil min jaħdem fis-settur tal-komunikazzjoni, u lil-Knisja b’mod intern.
Il-Papa saħaq li ulied Alla għandhom id-dmir li jikkomunikaw ma’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni, u li l-kliem u l-azzjonijiet tal-Knisja għandhom imissu l-qlub tan-nies u jgħinuhom fil-vjaġġ tagħhom għall-milja tal-ħajja.
Esprima x-xewqa li l-mod kif jikkomunikaw ir-rgħajja tal-Knisja jkun ’il bogħod minn sens ta’ kburija u superjorità fuq ħaddieħor, u li ħadd m’għandu jiġġudika lill-bniedem li jidneb, għax Alla biss jara fil-qalb tal-bniedem, imma jiġġudika biss sitwazzjonijiet ta’ dnub bħall-vjolenza, il-korruzzjoni u l-isfruttament.
Fl-istess ħin, il-Papa ħeġġeġ il-ħniena biex toffri mħabba lil min, f’ħajtu, iltaqa’ biss ma’ min iġġudikah.
Lill-politiċi, lid-diplomatiċi u lil min juża l-mezzi tal-komunikazzjoni, il-Papa ħeġġeġ lingwaġġ ta’ ħniena u tama u biex joqgħodu attenti dwar kif jirreferu għal min hu differenti jew ikun żbalja f’ħajtu.
Saħaq li jeħtieġ kuraġġ biex wieħed iressaq popli lejn ir-rikonċiljazzjoni u biex jasal għal soluzzjonijiet reali għal kunflitti antiki u paċi fit-tul.
Lill-pubbliku b’mod ġenerali l-Papa talab riflessjoni fuq is-sbuħija ta’ meta l-bniedem jagħżel kliemu u l-azzjonijiet tiegħu bil-qies u jagħmel sforz biex jevita li jinftiehem ħażin, jevita feriti tal-passat u jfittex li jibni l-paċi u l-armonija.
Saħaq li l-bniedem għandu jfittex li joħroġ mill-vizzju ta’ tpattija, li jkompli jibla’ individwi u pajjiżi u jifrex il-mibgħeda. Saħaq li kliem in-Nisrani, b’mod partikolari, għandu jkun ta’ inkoraġġiment u fejn irid jikkundanna, m’għandu qatt ikisser.
Appella biex il-bniedem ma jħarsix lejn is-soċjetà bħala post fejn barranin jikkompetu ma’ xulxin, imma bħala dar u familja waħda.
Qal li anke l-internet jista’ jintuża bħala mezz li jgħaqqad, mhux jifred, u fejn il-bniedem jiġi stmat b’dinjità.
Għalhekk, il-Papa stieden lil kulħadd biex jerġgħu jiskopru l-poter li l-ħniena għandha biex issewwi relazzjonijiet u biex twassal għall-paċi fil-familji u fil-komunitajiet.
Saħaq li l-komunikazzjoni u l-ħniena jkunu suċċess jekk jiġġeneraw qrubija li tagħti każ, tkun t’appoġġ u tiċċelebra, u jekk tinħoloq rabta b’saħħitha u ħielsa bejn il-poplu t’Alla u ħuthom f’sens ta’ familja.