“Il-komunikazzjoni bejn il-familji trid tkun reali mhux virtwali”

Il-Papa Franġisku saħaq dwar l-importanza li l-familji jitgħallmu jikkomunikaw ma' xulxin.
Fil-messaġġ annwali tiegħu dwar il-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, il-Papa rrefera għall-mezzi soċjali moderni, fejn qal li għalkemm dawn jistgħu jitqiesu importanti, xorta l-komunikazzjoni effettiva bejn il-familji għandha tkun reali u mhux virtwali.
Spjega li jixtieq li din is-sena dan il-jum jiffoka fuq il-familji peress li f’Ottubru li ġej se jitlaqqa' s-Sinodu dwar il-Familja.
Il-Papa semma l-episodju mill-Vanġelu meta l-Madonna żaret lil Eliżabbetta u qal kif f’din il-ġrajja l-komunikazzjoni kienet iffukata fuq il-ferħ li ġabet magħha l-Madonna.
“Il-familja hija l-iktar forma bażika ta’ komunikazzjoni” żied jgħid il-Papa filwaqt li spjega kif fil-familja għandna nitgħallmu naċċettaw lil xulxin għax  b'hekk tinħoloq għaqda li u l-membri jħossuhom komdi jgħinu lil xulxin. Sostna li dan isir l-aktar bil-maħfra għax “il-maħfra minnha nnifisha hi proċess ta’ komunikazzjoni”.
Il-Papa temm jgħid li l-komunikazzjoni ġġib magħha ċertu sfidi u qal li l-familji bi tfal b’diżabilità jkomplu jgħallmuna u jsostnuna.