Awdjo: Ir-reliġjon quddiem l-isfida tal-etika

Fr Renè Camilleri sostna li l-Kurja temmen li l-kompetizzjoni tar-reliġjon mas-suġġett tal-etika tgħin sabiex jinstabu mezzi aħjar kif is-suġġett jiġi ppreżentat b’mod aktar attraenti.
Fr Renè li huwa l-Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni, tkellem ma’ Newsbook.com.mt, fejn enfasizza li huwa kunċett żbaljat min jaħseb li r-reliġjon u l-etika qegħdin f’xi ġlieda ma’ xulxin.
Bil-maqlub sostna li, kemm-il darba jkun hemm kompetizzjoni sana, it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel jingħata spinta sabiex kemm jista’ jkun jibqa’ jiġġedded fil-mod kif jiġi ppreżentat.
“Se npoġġu l-kwistjoni tar-riżors uman fuq quddiem tal-aġenda”
Bi preparazzjoni għall-isfidi li jistgħu jinqalgħu, Fr Renè qal li flimkien mal-MATSEC il-Kurja se tiddiskuti metodoloġiji ġodda kif jiġi mgħallem ir-reliġjon fl-iskejjel.
Saħaq li din hija “waħda mill-problemi l-kbar”, meta jkun hemm il-materjal neċessarju iżda l-għalliema ma jkunux aġġornati mal-aħħar pedagoġiji.
Dan in-nuqqas fl-għalliema jwassal biex il-kontenut relevanti jwassluh b’mod irrelevanti lill-istudent.
“Ma tistgħux titfgħu r-responsabbiltà fuq l-għalliema u l-katekisti”
Punt ieħor li qajjem id-delegat tal-Arċisqof idur maċ-ċirkolari tal-Kurja, li tisħaq dwar id-dmir tal-ġenituri li jipprovdu għat-tagħlim tar-reliġjon ’l uliedhom.
Sostna li jista’ jkollok l-aqwa għalliem u katekist, iżda jekk it-tagħlim ma jibdiex mid-dar ikun hemm xi ħaġa nieqsa. Talab lill-ġenituri sabiex jilqgħu l-isfida li l-introduzzjoni tal-etika ġġib magħha.
Fakkar ukoll li r-reliġjon fl-iskejjel u l-katekiżmu tal-parroċċi mhumiex l-istess ħaġa. Għandhom ikunu t-tnejn flimkien, għax jikkumplimentaw lil xulxin.
“L-edukazzjoni umanistika hija importanti ħafna”
Il-Vigarju sostna li l-lat umanistiku prevalenti fis-suġġett tal-etika jimbotta lill-istudenti jahsbu b’mod kritiku u razzjonali, billi jsaqsi x’inhuma l-argumenti favur jew kontra dwar suġġett partikulari.
Huwa appuntu mod kif tersaq lejn il-ħajja, bħalma huwa s-suġġett tar-reliġjon.
Enfasizza li bħal fl-etika, it-tagħlim tar-reliġjon irid jissensel fuq mod kif tħares lejn il-ħajja. Fuq dan m’hemmx differenza bejn l-etika u r-reliġjon.
Temm jgħid li kemm ir-reliġjon kif ukoll l-etika jarrikkixxu lill-ħajja jekk iżommu mal-prinċipju fundamentali li jippreżentaw mod kif tħares lejn il-ħajja.
“Il-Knisja libera wkoll biex ma timponix it-tagħlim tagħha”
Fr Renè fakkar li l-etika daħlet wara diskussjoni nazzjonali li rriżultat fil-Qafas tal-Kurriklu Nazzjonali fl-2012.
Dan il-kurriklu jġorr il-filosofija tal-Gvern li jemmen li r-reliġjon hija element importanti ħafna, iżda wkoll joffri l-libertà li min ma jridx ir-reliġjon ma jeħodhiex.
Semma wkoll it-tibdil radikali fit-tagħlim tar-reliġjon fl-aħħar tmien snin, kif ukoll ix-xogħol li għaddej bħalissa mal-MATSEC, u li jinsab fil-fażi aħħarija, biex ir-raba’ u l-ħames klassi tas-sekondarja jinbidlilhom is-sillabu sabiex ikunu konformi mat-tibdiliet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, dawk li jissejħu l-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim (LOFs).