Il-kompetizzjoni f’X Factor illejla tkompli tiħrax

Wara li fil-ġimgħat li għaddew segwejna l-fażi tal-auditions mit-tieni staġun ta’ X Factor Malta, illejla fuq TVM fid-8.50pm se nibdew nassistu għall-fażi tal-Bootcamp ta’ din il-kompetizzjoni.

Fil-programm mhux se jonqsu l-emozzjonijiet hekk kif issa dawk li għaddew mill-fażi tar-room audition se jkunu qed jerġgħu jidhru quddiem l-erba’ membri tal-ġurija, Howard Keith Debono, Alexandra Alden, Ira Losco u Ray Mercieca.

Min huma l-kantanti li se jkunu qed jidhru mill-ġdid quddiem il-ġurija wara li jkunu għażlu l-kanzunetta minn fuq il-Wall of Songs?

X’pariri se jkunu qed jagħtu l-membri tal-ġurija lil dawk li se jkantaw quddiemhom? Min se jimpressjonahom? Min se jkompli għall-fażi ta’ wara din u min, sfortunatament, il-vjaġġ tiegħu se jieqaf hawn?

L-erba’ membri tal-ġurija ltaqgħu minn qabel biex jiddiskutu kif se jgħaqdu l-gruppi.

Dawk li għaddew issa se jinqasmu fi tlett gruppi.

newsbook.com.mt se jkun magħkom biex jaqsam l-esperjenzi ta’ din il-fażi waqt li jkun għaddej dan il-programm.

L-eċċitament ikompli llejla!