Filmat: Il-Koħħu semma Ministru b’rabta ma’ każ serju ħafna – Jason Azzopardi

Read in English.

Dr Jason Azzopardi MP, l-avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li meta l-Koħħu kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija barra l-assassinju tal-ġurnalista ta tagħrif dwar diversi każi oħra serji ħafna u semma wkoll diversi persuni marbuta ma’ dawn il-każi. Fost dawk li semma l-Koħħu, Azzopardi qal li hemm Ministru li għadu fil-Kabinett ta’ Robert Abela u dan issemma b’rabta ma’ każ serju ħafna.

Tul l-intervista, Azzopardi qal li hemm aktar minn 2,000 messaġġ ma’ Segretarju Parlamentari fl-2019 meta kien magħruf li Fenech kien is-sid ta’ 19 Black.

Hemm ukoll mijiet ta’ messaġġi ma’ eks-uffiċjal tal-PN, mijiet ta’ messaġġi ma’ deputati Laburisti u messaġġi kompromettenti ħafna ma’ persuni li kienu regolaturi ta’ diversi setturi.

Il-familja għandha tkun ikkonsultata

Huwa fakkar li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu kien talab li jingħata l-maħfra biex jikxef ismijiet marbuta mal-assassinju u ma’ diversi każi oħra. L-avukat qal ukoll li hu kontra li tingħata l-maħfra. Semma li l-familja bi dritt tippretendi li tiġi ikkonsultata qabel tittieħed deċiżjoni. Il-familja tħoss li mhux ġust u sewwa li joqgħodu jiżdiedu n-nies li jingħataw il-maħfra.

Għaliex qed jitkellem issa?

Azzopardi qal li mhux se jsemmi l-isem tal-ministru biex iħalli lill-pulizija jkomplu bl-investigazzjoni li tista’ twassal biex iressqu akkużi jew iħossu li ma hemm l-ebda prova għal dak li qed jallega l-Koħħu li flimkien mal-aħwa Degiorgio qed jiġi akkużat bil-qtil tal-ġurnalista.

Qal li ħass li kien importanti li jsemmi dan pubblikament biex juri li barra l-Prim Ministru Robert Abela, hemm Ministru ieħor li ma għandux jieħu sehem fil-laqgħa tal-Kabinett li quddiemu tista’ tiġi t-talba tal-Koħħu għall-maħfra.

Dr Azzopardi semma l-editorjal tal-gazzetta The Times of Malta tal-lum li qalet li l-Prim Ministru m’għandux jieħu sehem f’laqgħa bħal din. Azzopardi żied jgħid li dan peress li huwa kien l-avukat tal-aħwa tal-Maksar li ssemmew f’konnessjoni mad-delitt waqt l-inkjesta pubblika.

X’qed jinkixef mill-mobile ta’ Fenech?

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt wara l-programm, Azzopardi qal illi fil-mobile ta’ Yorgen Fenech instabu eluf ta’ messaggi bejnu u bejn Segretarju Parlamentari fil-Kabinett ta’ Abela. Qal ukoll li l-persuna irċeviet rigali li jqumu ħafna flus mingħand Fenech u anke siefru flimkien.

Żied jgħid li dawn il-messaġġi saru fl-2019 meta kien ilu magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black. Azzopardi qal li fihom hemm ukoll mijiet ta’ messaġġi ma’ persuna li kien uffiċjal tal-PN u ma’ MPs Laburisti li llum qedgħin fil-Kabinett. Fil-mobile hemm anke messaġġi “kompromettenti ħafna” ma’ diversi persuni li okkupaw postijiet bħala regolaturi f’diversi oqsma.

Azzopardi qal li Fenech bagħat diversi b’insulti goffi kontrieh u kontra David Casa.