Il-Koħħu ma jridx lill-PM u Ministru ieħor jiddeċiedu fuq il-maħfra

Read in English.

Vince Muscat il-Koħħu ppreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Robert Abela rigward il-maħfra presidenzjali, peress li kważi sena wara li għamel it-talba, huwa għadu bla tweġiba. Permezz ta’ dan il-protest, Muscat qed jitlob li l-Prim Ministru u Ministru fil-Kabinett tiegħu li għandu interess f’dan il-każ ma jieħdu ebda sehem fid-diskussjoni u fid-deċiżjoni dwar jekk hu għandux jingħata l-maħfra presidenzjali. Apparti hekk, il-Koħħu jrid li l-Prim Ministru jiskuża ruħu talli sejjaħlu “arċikriminal” u jirtira dak li qal.

Il-protest ġudizzjarju mressaq illum huwa kontra l-Prim Ministru f’ismu u bħala Kap tal-Kabinett, kontra l-Avukat tal-Istat, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, is-Segretarju Permanenti Prinċipali, u r-Reġistratur tal-Qorti Kriminali.

Dan il-protest jgħid li Muscat, li hu wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għamel talba formali għall-maħfra presidenzjali fit-30 ta’ Novembru tal-2019, kien bagħat ittra ta’ kjarifika fis-17 ta’ Diċembru tal-2019 u reġa’ bagħat ittra ta’ tfakkira fit-22 ta’ Ġunju tal-2020. Madankollu, sal-lum, għadu mingħajr risposta.

Fil-protest jingħad li Ministru fil-Kabinett ta’ Abela “li għandu interess dirett” f’dan il-każ lanqas ma għandu jkun parti mid-diskussjonijiet biex tittieħed deċiżjoni fuq dan. Ir-referenza hi għal Ministru li rrefera għalih l-Avukat Jason Azzopardi waqt il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart nhar is-Sibt li għadda. Azzopardi qal li hemm Ministru fil-Kabinett ta’ Abela li kien involut f’reat serju qabel seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Spjega li l-Koħħu qal din l-informazzjoni lill-Pulizija, u l-PM ilu jaf b’dan minn Marzu imma ma ħax azzjoni.

Aktar tard irriżulta li Azzopardi kien qed jitkellem fuq is-serqa mill-HSBC fl-2010, li l-Koħħu kien involut fiha.

Il-protest isemmi wkoll kif dan l-aħħar ħareġ li meta kien għadu jipprattika ta’ avukat, il-Prim Ministru Robert Abela kien jirrappreżenta lill-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, u din l-informazzjoni ħarġet għax ġiet żvelata fil-gazzetti u mhux għax il-PM taha hu stess. Dan qed jitqies mill-akkużat bħala kunflitt ta’ interess li mhux se jħalli lill-Prim Ministru jkun oġġettiv fid-deċiżjoni tiegħu dwar jekk il-Koħħu għandux jingħata maħfra presidenzjali.

Il-Koħħu kien allega li Ta’ Maksar ipprovdew lill-akkużati bil-bomba li splodiet lill-ġurnalista.

Fil-protest jissemma kif f’kummenti li ta lill-MaltaToday jumejn ilu, Abela rrefera għall-Koħħu bħala “arċikriminal,” mentri huwa għandu jitqies innoċenti sakemm il-Qorti ssibu ħati. L-avukat tal-akkużat jargumenta għalhekk li din id-deskrizzjoni “ittappan il-proċess ġudizzjarju u sproporzjonat mingħajr dellijiet u preżunzjonijiet,” peress li l-akkużat donnu diġà qed jiġu kkundannat mingħajr ma għadda proċess ġudizzjarju kif titlob il-liġi. B’hekk, “dan qatt ma jista’ jwassal għal ġustizzja oġġettiva” fil-konfront tal-akkużat.

Il-Prim Ministru huwa kkundannat tal-aġir tiegħu, billi l-protest jgħid li “dan il-kliem mhuwiex denju ta’ Prim Ministru serju u juru bla ebda ombra ta’ dubju li l-ġudizzju tiegħu huwa mtappan u li mhuwiex se jkun f’pożizzjoni li jagħti ġudizzju san u spassjonat meta jasal iż-żmien.” L-Avukat Marc Sant jgħid li l-PM għandu kunflitt ta’ interess ċar f’dan il-każ, u għandu jiftakar li hu jrid jaġixxi fl-aħjar interess tal-pajjiż sħiħ u mhux fl-interess tal-partit tiegħu u tal-Gvern.