Il-Koħħu ma jinstabx ħati li ffroda kasinò

Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ma nstabx ħati li pprova jiffroda kasinò minħabba nuqqas ta’ evidenza. Huwa kien qed jiġi akkużat li flimkien ma’ raġel ieħor – Mario Spiteri – allegatament iffroda b’€2,300 billi uża d-dettalji personali ta’ terza persuna, u li xaħħam lil wieħed mill-impjegati tal-kasinò.

Fis-sentenza tagħha fil-qorti, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif l-investigazzjoni bdiet wara li tħalla mowbajl fuq il-karozza ta’ impjegat tal-kasino u fuqu rċieva telefonata tħeġġu biex jieħu sehem fi skema biex jiffroda logħba bil-karti.

Wara li ġew eżaminati l-filmati mill-kasinò, ħareġ li l-impjegat kien ħati u iktar tard issemma l-Koħħu bħala wieħed minn dawk involuti f’dan il-każ ta’ frodi.

Vince Muscat huwa wieħed mit-tliet persuni li tressqu l-qorti b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.