Il-Koħħu jitlob li l-ġuri dwar hold-up tal-HSBC jiġi pospost

Vincent Muscat, wieħed mit-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab sabiex il-ġuri dwar l-attentat ta’ hold-up tal-HSBC li kellu jinstema’ fit-18 ta’ Ġunju jiġi pospost.
F’rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, Muscat, li huwa magħruf bħala l-Koħħu, talab sabiex dan jiġi pospost b’urġenza hekk kif jemmen li minħabba l-andament tal-allegazzjonijiet miġjuba kontrih fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista, jistgħu jaffetwaw lill-ġurati fil-każ separat.
Il-Koħħu kellu jgħaddi ġuri fit-18 ta’ Ġunju wara li kien indikat li kellu x’jaqsam ma’ hold-up li saret fiċ-ċentru tal-HSBC f'Ħal Qormi lura fl-2010.
Il-każ instema’ quddiem l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima.
Sabiex jingħata biżżejjed żmien liż-żewġ naħat biex jappellaw, il-Qorti ddikkjarat li jkun għaqli jekk tiddeċiedi fuq l-appell fi smigħ wieħed li se jsir nhar il-Ġimgħa.
L-Avukat Ġenerali se jippreżenta l-evidenza l-ġimgħa ta’ wara, qabel ma l-Qorti tipproċedi bil-ġudizzju tagħha.