Il-Koħħu jitkellem mal-Pulizija; jistenna tweġiba

Read in English.

Fl-aħħar tliet xhur, Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, qatta’ diversi sigħat jitkellem mal-Pulizija.

Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li l-Koħħu kien qed ikellem lill-uffiċjali tal-pulizija li qegħdin jinvestigaw l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Sorsi mlaħħqin qalu li Muscat ma tax biss informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ, imma anke fuq każijiet li baqgħu mhux solvuti, fosthom ta’ qtil u ta’ serq.

L-informazzjoni li nġabret mill-Pulizija minn dak li qalilhom il-Koħħu issa għaddiet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li għadu ma tax l-opinjoni tiegħu fuq kif se jipproċedi bit-talba għall-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat.

Muscat, li flimkien mal-aħwa Degiorgio huwa akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’Diċembru li għadda kiteb lill-President George Vella biex jingħata l-maħfra presidenzjali bi skambju għal informazzjoni dwar għadd ta’ każijiet. Din kienet it-tieni darba li Muscat talab li jingħata l-maħfra.

Kmieni dan ix-xahar, il-Qorti kellha tisma’ s-sottomissjonijiet tal-avukati ta’ Vince Muscat il-Koħħu, peress li hu talab li l-evidenza, inkluż ir-rikordings ta’ Melvin Theuma, tkompli tinstema’. Saħaq li minħabba li l-qrati ngħalqu minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-fatt li s-sottomissjonijiet finali kellhom isiru bil-kitba juri li kienu qed jinkisru d-drittijiet tiegħu.

Numri minflok ismijiet

L-istess sorsi spjegaw li Muscat qed jiżvela xi fatti, imma qed iżomm ħalqu magħluq dwar affarijiet oħra. Mhuwiex, pereżempju, isemmi ismijiet. Huwa qed jirreferi għan-nies involuti bħala “persuna 1” u “persuna 2,” iżda jagħti xi indikazzjoni dwar l-isfond tal-persuni inkwistjoni.

Meta Newsbook.com.mt staqsa jekk id-deskrizzjonijiet ta’ Muscat kinux qed jagħtu ħjiel dwar nies involuti fil-politika jew b’xi rabtiet politiċi, is-sorsi la kkonfermaw u lanqas ċaħdu dan. Wieġbu, minflok, “no comment.”

Newsbook.com.mt hu infurmat li f’każijiet bħal dawn, l-investigaturi jippruvaw jivverifikaw il-kredibbiltà tal-informazzjoni li jingħataw. L-informazzjoni li ħarġet għaddiet lill-Uffiċċju tal-AĠ għall-parir tiegħu, iżda jidher li dan għadu ma tahx.

L-ittra tal-Koħħu lill-President

Vince Muscat kien ikkomunika mal-President George Vella permezz tal-avukat tiegħu, Dr Marc Sant. Sant kien fiehem li l-klijent tiegħu għadda informazzjoni lill-Pulizija f’April tal-2018. Dak iż-żmien, Muscat kien kellem lill-Prosekutur Keith Arnaud, li kien l-investigatur ewlieni fuq il-każ, u pprovda informazzjoni sostanzjali u kruċjali għall-każ. Kien ġie allegat li l-informazzjoni li ta Muscat inkludiet isem is-sensar Melvin Theuma, li aktar tard ingħata l-maħfra presidenzjali bil-patt li jgħid kulma jaf.

F’Novembru tal-2019, l-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Reuters irrappurtat li mart Vince Muscat, Pauline qaltilhom li hija inġustizzja li Theuma jagħti evidenza kontra Vince, meta kien Vince li wassal lill-pulizija għal Theuma, u għen biex jissolva l-każ. Sostniet li żewġha missu ngħata l-maħfra, u mhux Theuma.

Reuters żvelaw li Muscat qal lill-investigaturi li hu u l-aħwa Degiorgio tħallsu €150,000 biex iwettqu l-assassinju fuq il-ġurnalista.

Beżgħan għal ħajtu

F’Ottubru tal-2019, Newsbook.com.mt irrapporta li Muscat kien qed jibża’ għal ħajtu, minħabba dak li żvela mal-pulizija. Ittieħdu prekawzjonijiet speċjali ta’ sigurtà sabiex huwa jiġi protett fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Madankollu, huwa ma rnexxilux jingħata maħfra presidenzjali s’issa. Għadu mhuwiex indikat jekk il-konverżazzjonijiet twal bejn Muscat u l-pulizija dan l-aħħar humiex se jwasslu għal xi żviluppi fil-każ.

Fi żvilupp ġdid fil-każ, ir-raġel akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, Yorgen Fenech, negozjant li huwa l-eks Direttur tat-Tumas Group u sid il-kumpanija 17 Black, għandu jerġa’ jitressaq il-qorti nhar it-Tnejn li ġej, wara pawża ta’ xahrejn fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih minħabba l-għeluq tal-qorti.