Il-Koħħu jiċħad li rċieva flus mingħand Yorgen jew l-eks avukat tiegħu

Read in English.

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, ċaħad li huwa qatt irċieva flus mingħand Yorgen Fenech jew l-Avukat Dr Arthur Azzopardi.

Muscat huwa wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ fis-16 t’Ottubru tal-2017. Fenech huwa akkużat b’kompliċità f’dan l-assassinju.

Waqt is-smigħ fil-qorti lbieraħ fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech, bdew jinstemgħu rikordings li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, għadda lill-Pulizija. Huwa ngħata l-maħfra presidenzjali bil-patt li jgħid kulma jaf dwar il-każ. Fir-rikording ta’ konverżazzjoni bejn Fenech u Theuma, Theuma jinstema’ jgħid li Dr Arthur Azzopardi, li kien jirrappreżenta lil Muscat, kien ġabar xi flus biex jgħaddihom lill-klijent tiegħu. Theuma qal li dan qalulu Fenech.

Tard ilbieraħ filgħaxija, Vince Muscat u familtu ħarġu stqarrija permezz tal-Avukat Dr Marc Sant, li issa jirrappreżentah, sabiex jiċħdu li huwa qatt irċieva flus mingħand Yorgen Fenech jew Dr Arthur Azzopardi.

Il-familja qalet li għandha d-dritt li tieħu kull azzjoni li tara li hi xierqa u meħtieġa skont il-liġi.

Dr Azzopardi ma baqax jirrappreżenta lil Muscat minn Ottubru li għadda. Huwa kien qal li din id-deċiżjoni sabiex jitwaqqa’ l-każ ittieħdet mill-kumpanija legali li hu impjegat magħha, iżda ma kkummentax aktar.

Fis-smigħ tal-bieraħ, l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni wissa lil Melvin Theuma biex ma jsemmix ismijiet jekk ma jiftakarx eżatt min kienet il-persuna konċernata. Issemmew ukoll l-ismijiet ta’ Keith Schembri u Silvio Valletta. Il-Maġistrat qalet li ma tippretendix li l-investigazzjonijiet dwar Keith Schembri u Kenneth Camilleri għadhom għaddejjin.

Fl-aħħar ta’ Mejju Newsbook.com.mt skopra li fit-tliet xhur ta’ qabel, Vince Muscat qatta’ diversi sigħat jitkellem mal-Pulizija. Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li l-Koħħu kien qed ikellem lill-uffiċjali tal-pulizija li qegħdin jinvestigaw l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sorsi mlaħħqin qalu li Muscat ma tax biss informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ, imma anke fuq każijiet li baqgħu mhux solvuti, fosthom ta’ qtil u ta’ serq. L-informazzjoni li nġabret mill-Pulizija minn dak li qalilhom il-Koħħu għaddiet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li għadu ma tax l-opinjoni tiegħu fuq kif se jipproċedi bit-talba għall-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat.