Il-Koħħu jerġa’ jitlob il-maħfra presidenzjali: “kien hemm it-tbagħbis”

Vincent Muscat, li huwa wieħed mit-tliet irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jitlob lill-President George Vella sabiex jingħata l-maħfra presidenzjali minħabba l-informazzjoni li jaf.

Muscat kiteb ittra lill-President Vella llum fejn formalment talab għall-maħfra presidenzjali jekk Muscat jagħti dak kollu li jaf dwar diversi fatti. Hu jemmen li ma ngħatax il-maħfra meta talabha għall-ewwel darba minħabba l-involviment tal-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fl-ittra ffirmata mill-avukat Dr Mark Sant, Muscat esprima bosta preokkupazzjonijiet. Hu qal li f’April tal-2018, Muscat iltaqa’ u tkellem mal-Ispettur Keith Arnaud. Fuq medda ta’ numru ta’ laqgħat, Muscat ipprovda informazzjoni kruċjali li wasslet għal progess fl-investigazzjonijiet.

L-ittra tgħid li grazzi għall-informazzjoni ta’ Muscat, seta’ jseħħ l-arrest ta’ Melvin Theuma, l-allegat sensar li ngħata l-maħfra presidenzjali. Muscat sostna l-ironija li l-istess raġel li semma hu mal-investigaturi se jkun qed jitressaq mill-prosekuzzjoni sabiex jagħti evidenza kontra Muscat inniffsu.

Muscat sostna li l-informazzjoni li pprova lill-Ispettur Arnaud wasslet għall-arrest ta’ Theuma. Semma kif Theuma ma kienx wieħed mix-xhieda li tressqu mill-prosekuzzjoni waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Qal li l-prosekuzzjoni ddeċidiet li Theuma għandu jixhed fis-26 ta’ Novembru, erba’ xhur wara li kien ħareġ l-att t’akkuża fil-konfront ta’ Muscat u l-aħwa George u Alfred Degiorgio.

Fl-ittra Muscat insista li Keith Schembri attivament ħadem sabiex ma jingħatax il-maħfra. L-avukat ta’ Muscat insista li hija xi ħaġa essenzjali li persuna li qed titlob il-ħniena jkollha l-assigurazzjoni kollha u s-serħan tal-moħħ li t-talba tiġi eżaminata u deċiża minn persuna li m’għandha l-ebda interess dirett jew indirett jekk Muscat jingħatax il-maħfra jew le.