Il-Koħħu jerġa’ jitlob għall-maħfra; jallega li qed isir ħabi u dewmien

Reuters

Read in English.

Vince Muscat, wieħed mill-akkużati li wettqu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, magħruf bħala l-Koħħu, qed jerġa’ jitlob għall-maħfra presidenzjali biex jikxef aktar dettalji dwar l-assassinju u reati oħra serji li twettqu f’Malta.

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-avukat tiegħu Marc Sant ippreżenta protest ġudizzjarju fejn ilmenta li huwa ilu li għamel din it-talba mit-30 ta’ Novembru tal-2019 mingħajr ma ħa risposta. Il-protest jgħid li huwa anke kien bagħat ittra ta’ kjarifika dwar dan fis-17 ta’ Diċembru 2019. F’risposta għal din l-ittra, s-Segretarju tal-President qallu li l-ittra għat-talba tiegħu ntbagħtet lill-Ministru għall-Ġustizzja għall-kunsiderazzjoni biex b’hekk huwa jista’ javża lill-President bid-deċiżjoni.

Fil-protest ġudizzjarju, l-avukat ta’ Vince Muscat jistabbilixxi li dan id-dewmien “huwa intiż biex jaħbi u jostor milli joħorġu ċertu fatti u involviment ta’ persuni oħra bil-ħsieb biex ikomplu jagħtu immunita’ sħiħa lil dawn l-individwi li għadhom ma ssemmewx”. Jisħaq ukoll li dawn il-persuni kienu fiċ-ċirku ta’ poter fil-pajjiż”.

L-Avukat Sant qal li l-klijent tiegħu ma rċieva l-ebda korrispondenza dwar dan la permezz ta’ email u lanqas permezz ta’ telefonati.

Il-protest ġudizzjarju jitkellem ukoll dwar laqgħat li saru fil-Kwartieri Ġenerali għal diversi laqgħat mal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Muscat qed jistqarr li għandu informazzjoni kredibbli u ta’ min joqgħod fuqha, tant li tista’ ssolvi l-każijiet relatati, u anke tidentifika numru ta’ persuni involuti fl-assasinju ta’ Caruana Galizia, kif ukoll fuq persuni oħra involuti f’reati oħra u li għadhom ma ssemmewx jew ġew akkużati fil-Qorti.

Il-protest ġudizzjarju jitlob direttament lill-Prim Ministru, lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat tal-Istat biex b’mod immedjat jagħtu l-parir lill-President biex tingħata l-maħfra lil Vince Muscat.

Il-protest jgħid li t-trattament fil-konfront ta’ Vince Muscat jikkontrasta ħafna ma’ kif ġie ttrattat Melvin Theuma, fejn il-maħfra tiegħu ngħatat fi ftit jiem. L-Avukat Sant qal li d-differenza fl-attitudni waħedha dubji serji u leġittimi, dwar kif l-investigaturi u l-mod ta’ kif joperaw u dwar humiex qegħdin ma jaqdux dmirhom minn terzi persuni biex jeżerċitaw id-dmir tagħhom.