Il-koalizzjoni ta’ kontra l-ISIS teqred 280 trakk taż-żejt

Il-koalizzjoni ta’  kontra l-Istat Iżlamiku ppubblikat filmat ta’ attakki mill-ajru li splodew iktar minn 280 trakk taż-żejt tal-militanti Iżlamiċi.
L-attakki mill-ajru seħħew fi tmiem il-ġimgħa mit-Task Force konġunta ta’ kontra l-Istat Iżlamiku li, wieħed mit-tiri tagħha hu propju li jeqirdu l-ħażna taż-żejt tal-ISIS.
Hu stmat li żewġ terzi tal-fondi tal-militanti ġejjin mill-bejgħ klandestin taż-żejt, bi stimi tan-New York Times saħansitra jpoġġu ċ-ċifra ta’ $40 miljun, jew €38 miljun, fix-xahar minn din l-attività illegali.
Sadattant, il-Gvern ta’ David Cameron fl-Ingilterra jidher li qed iħejji biex, fil-qrib, iħabbar is-sehem militari tiegħu kontra l-Istat Iżlamiku.
Lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin, fil-Parlament Ingliż, il-Prim Ministru Konservattiv qal li l-poplu jistenna deċiżjonijiet mill-Gvern tiegħu u li ma jistax iħalli pajjiżi oħra jaħdmu biex jassiguraw is-sigurtà fir-Renju Unit.
Cameron insista li l-Istat Iżlamiku qed jippjana l-attakki tiegħu minn Raqqa fis-Sirja u hu hemm li r-Renju Unit għandu jolqot jekk irid irażżan it-terroriżmu f’pajjiżu.