Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) qed jipproponi għajnuna finanzjarja u servizzi għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ fid-dawl tal-baġit b’risposta għall-pandemija tal-coronavirus li se jkun qed jiżvela l-Gvern nhar it-Tnejn.
Il-KNŻ bagħat ittra lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna bil-proposti tiegħu.
Il-kunsill irid li l-Gvern jestendi s-sussidju tal-pagi li jingħata lill-ħaddiema part-time lil dawk l-istudenti full-time li qegħdin f’impjieg part-time. Irid ukoll inċentivi għal internships u traineeships bi ħlas għaż-żgħażagħ għas-sajf.
Il-KNŻ tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Jemmen li hemm bżonn aktar servizzi speċifikament għaż-żagħażgħ b’kampanji apposta biex iżidu l-għarfien dwarhom.
Il-KNŻ appella wkoll biex il-gvern iwaqqaf framework ta’ edukazzjoni ċivika biex tissaħħaħ id-demokrazija.
Il-Gvern għandu jikkunsidra l-proposti tal-KNŻ – PN
Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li jkun għaqli jekk il-Gvern jikkunsidra l-proposti tal-KNŻ.
Fi stqarrija ffirmata mill-MP Robert Cutajar il-PN qal li jistenna li l-Gvern li b’rieda tajba u responsabbilta’ jagħti widen għal dawn il-proposti relatati primarjament mal-edukazzjoni, xogħol u s-saħħa mentali.
Il-PN qal li ż-żgħażagħ jistgħu jkunu fost l-aktar faxex fis-soċjeta’ affettwati minħabba l-COVID-19, l-aktar fejn jidħlu s-setturi tal-impjiegi u kif ukoll l-ansjetà li tista’ tħalli wkoll l-effetti tagħha fuq is-saħħa mentali.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.