Il-KNŻ bla pożizzjoni fuq il-posponiment tal-Kunsilli Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) sa issa jidher li m'għandux il-ħsieb jitkellem dwar il-proposta li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma jsirux kif skedati u minflok isiru fis-sena 2019 flimkien mal-elezzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, il-President tal-KNŻ Isabelle Camilleri qalet li ma tistax tikkonferma jekk il-Kunsill hux se joħroġ b'pożizzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ADŻ Anna Azzopardi f'kummenti lil Newsbook.com.mt stqarret li l-ADŻ iħoss li mhux xieraq li se titħassar elezzjoni li kienet se ssir fl-2015 u tiġi posposta għal erba’ snin wara. Dan għaliex skont l-ADŻ “hu daqqa ta’ ħarta kbira lid-demokrazija”.
Qalet li filwaqt li l-ADŻ taqbel li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-futur isiru ma’ tal-Parlament Ewropew, dan m’għandux isir għad-detriment ta’ Kunsilli Lokali diġà eletti. 
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MŻPN Matthew Agius ma' Newsbook.com.mt qal li wara li ż-żewġ partiti kbar qablu li tidħol fis-seħħ il-liġi li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt tal-vot, fl-istess nifs il-Gvern issa qed jiċħad il-vot fil-prattika lil dawk iż-żgħażagħ kollha.
Qal li l-Gvern lest li jżomm Kunsilli Lokali għal terminu doppju minħabba kalkolu politiku li għamel il-Partit Laburista, u b’hekk il-kunsilliera preżenti ma jistgħux imorru għall-ġudizzju ta’ min eleġġihom.
Iż-żewġ għaqdiet saħqu wkoll li jemmnu li l-KNŻ, li tiegħu huma t-tnejn membri, għandu jitkellem dwar xi ħaġa b'rabta hekk importanti mad-demokrazija u ż-żgħażagħ.
Mistoqsijiet intbagħtu lill-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), Alex Saliba u lill-Viċi President tal-istess għaqda Nikita Zammit Alamango, iżda minkejja l-isforzi kollha, dawn ma wieġbux lura.