Il-Knisja u l-protezzjoni tal-minuri: Webinar b’aktar minn 450 parteċipant

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju fit-3pm, se jsir l-ewwel minn sensiela ta’ webinars bit-titlu “Knisja Aktar Sigura” (A Safer Church) li se jittratta l-protezzjoni tal-minuri, organizzat mill-International Safeguarding Conference (ISC). Aktar minn 450 parteċipant se jattendu għalih.

Knisja Aktar Sigura

L-ewwel webinar se jiffoka fuq kif il-Knisja qed taġixxi fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri, b’mod partikolari sabiex din tkun assigurata waqt dan iż-żmien ta’ pandemija. Fiċ-ċentru tad-diskussjoni se jkun hemm il-perspettiva tal-vittmi. Dawn il-webinars se jsiru bl-iskop li l-professjonisti fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri jaqsmu ma’ xulxin prattiċi b’enfasi dwar iċ-ċirkostanzi tal-pandemija Covid-19. Matul dawn il-webinars se jkun hemm diskussjoni live u sessjoni li tippermetti mistoqsijiet.

“Din is-sensiela ta’ webinars,” skont Tina Campbell, membru tal-kumitat organizzattiv, “għandha l-intenzjoni li toħloq pjattaforma biex professjonisti minn madwar id-dinja jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin. Meta ninkoraġġixxu d-djalogu nkunu qegħdin inżommu l-protezzjoni tal-minuri ’l fuq fl-Aġenda tal-Knisja.”

Hans Zollner SJ, membru ieħor tal-kumitat organizzattiv u membru tal-Kummissjoni tal-Protezzjoni tal-Minuri tal-Vatikan, filwaqt li saħaq li “l-Knisja investit ħafna riżorsi fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri,” hu wera t-tħassib tiegħu li “f’dawn iż-żminijiet, minħabba diffikultajiet ekonomiċi, jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li jitnaqqsu r-riżorsi f’ħafna oqsma, iżda ma nistgħux nippermettu li dan jaffettwa l-protezzjoni tal-minuri, daqslikieku kienet ħidma kwalunkwe”.

Żieda fil-vjolenza

ISC innutat li f’dawn l-aħħar ġimgħat qegħdin jiġu rrappurtati żidiet fir-rata tal-vjolenza fil-konfront tal-minuri u vjolenza domestika. Kif saħaq is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres, l-emerġenza tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19 qiegħda akar ma jmur issir kriżi għad-drittijiet tat-tfal. Kif sostnew għadd ta’ professjonisti fil-qasam tal-protezzjoni minuri, id-dar mhix neċessarjament post sigur għal kulħadd.

Dwar l-ISC

L-ISC joffri taħriġ u formazzjoni lil persuni li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri u adulti vulnerabbli. L-għan hu li dan is-suġġett jibqa’ jingħata importanza mill-organizzazzjonijiet diversi u jassigura li kull organizzazzjoni tilħaq l-ogħla livell fis-servizz li toffri lil tfal u adulti vulnerabbli madwar id-dinja.

Il-membri huma: Dr Alessandra Campo – Koordinatriċi, Centre for Child Protection (PUG); Andrew Azzopardi – Koordinatur tal-Safeguarding Taskforce tal-Vatikan u Kap tas-Safeguarding Commission Maltija; Fr Hans Zollner SJ – President, Centre for Child Protection (PUG) u Membru tal-Pontifical Commission for the Protection of Minors; Simon Davies – Direttur Professional Standards, Society of Jesus (Jesuits) Australia; Tina Campbell – National Safeguarding Coordinator u l-Konferenza Episkopali Skoċċiża.

Biex tipparteċipa tista’ żżur dan is-sit:

https://us02web.zoom.us/meeting/register/tZUpdOyprzIvG9DrESYJU-lxCQSAAxKRosFM

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn