“Il-Knisja u l-Caritas l-aktar li jsegwu u jgħinu lill-immigranti f’Għawdex” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech qal li f'Għawdex, il-Knisja hija l-aktar organizzazzjoni li tgħin u ssegwi lir-refuġjati, bil-ħidma ewlenija tal-Caritas li toffri s-sapport u l-għajnuna meħtieġa.
Fost l-isfidi li refuġjati jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fil-gżira Għawdxija hemm il-barriera lingwistika, l-opportunitajiet ta’ xogħol mingħajr ktieb, nuqqas ta’ postijiet fejn joqogħdu, u ftit li xejn integrazzjoni mal-ħajja Għawdxija.
Dawn l-isfidi u r-rimedji għalihom kienu diskussi waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Isqof bejn il-Mons Mario Grech u l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-Fondazzjoni għall-Kenn u s-Sapport gġħall-Immigranti (FSM), u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR- Malta).
L-Isqof insista li f’Għawdex għandu jkun hemm uffiċċju li jikkordina l-ħidmiet tal-Gvern u l-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) b’risq dawn il-persuni, filwaqt li rrimarka li x-xogħol li jsir bħalissa mhuwiex organizzat uffiċjalment.
Fost l-oħrajn, issemma xogħol il-Caritas mar-refuġjati f’Għawdex, ngħidu aħna l-għajnuna biex jiġġedded id-dokument tar-refuġjat, akkoljenza ta’ familji refuġjati fil-proprjetà tad-Djoċesi, inseriment tat-tfal fi skejjel tal-Knisja, kif ukoll ħidma sfiqa mal-ħaddiema tal-benessri soċjali bħas-Sedqa.
Fl-2013, id-Djoċesi ta’ Għawdex kienet ippubblikat ir-rapport A Church that is Hospitable, dwar il-qagħda tal-immigranti, bi strateġija biex tiġi indirizzata dir-realtà.