Il-Knisja twaqqaf qassis milli jqaddes fil-pubbliku

Read in English.

Il-Knisja f’Malta waqqfet qassis mill-ministeru pubbliku wara li ġie akkużat fil-Qorti li kellu relazzjoni ma’ tfajla. Dan ifisser li l-qassis ma jistax iqaddes jew jiċċelebra s-sagramenti fil-komunità. Dan il-pass ittieħed mill-Knisja fuq parir tas-Safeguarding Commission sabiex tħares il-partijiet kolha involuti, kif tagħmel f’każijiet bħal dawn, bla preġudizzju għad-deċiżjoni li għad trid tittieħed fil-Qorti fid-dawl tal-provi li jridu jitressqu.

Fil-Qorti ntqal li din ir-relazzjoni bdiet ftit xhur qabel it-tfajla għalqet is-16-il sena, li hija l-età kunsenswali. Il-qassis wieġeb mhux ħati li kellu relazzjoni ma’ mara meta kienet għadha minuri. Sorsi nfurmati qalu li r-relazzjoni damet għaddejja madwar sentejn u nofs.

Is-Safeguarding Commission qalet lil Newsbook.com.mt li ħadet passi fuq rapport li rċeviet u għaddiet il-każ f’idejn il-pulizija għall-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ser tkompli ssegwi l-każ biex tassigura li tittieħed l-azzjoni meħtieġa filwaqt li tipprovdi l-għajnuna meħtieġa lill-partijiet involuti.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta d-dritt tal-kunfidenzjalità, tħeġġeġ lil kull min jaf b’xi allegat każ ta’ abbuż biex jirrapporta direttament lill-Pulizija u biex jikkuntattja lis-Safeguarding Commission fuq info@safeguarding.mt.