Il-Knisja ttenni l-impenn tagħha favur iż-żwieġ bejn raġel u mara

L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech fi stqarrija qalu li waqt li l-Knisja tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu l-għażliet li tagħmel f’ħajjitha u r-relazzjonijiet li tħaddan, il-Knisja se tibqa’ taħdem favur iż-żwieġ bejn raġel u mara.  Huma żiedu jgħidu li l-mudell taż-żwieġ li dejjem ħaddnet l-umanità, li huwa l-mudell nisrani, iż-żwieġ jibqa’ dejjem ir-rabta esklussiva bejn raġel u mara, li hu miftuħ għat-tnissil tal-ulied.
L-Isqfijiet ħarġu din l-istqarrija l-għada li l-Parlament approva emendi għaż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. L-Isqfijiet urew it-tama li din il-liġi ma tkunx segwita b’miżuri oħra li jnaqqsu mid-dinjità tal-ulied, bħal pereżempju l-kiri tal-ġuf (surrogacy) u d-donazzjoni tal-gameti (gamete donation).
L-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex qalu li l-liġi qed twarrab id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Dan iwassal biex is-soċjetà tiftaqar għax minflok taċċetta d-diversità, timponi uniformità fil-mod kif ikunu espressi r-relazzjonijiet.
Fl-istess waqt, l-Arċisqof Scicluna u l-Isqof Grech stqarrew li għall-Knisja, kull persuna hi għażiża u tibqa’ għażiża għax hija maħluqa xbieha ta’ Alla. Huma assiguraw li l-Knisja impenjata wkoll li tibqa’ tilqa’ fi ħdanha, takkumpanja u tgħin lil dawk il-persuni li jagħżlu li jgħixu l-ħajja affettiva tagħhom f’kuntest differenti minn dak taż-żwieġ Nisrani.
Il-Knisja qed tappella lis-soċjetà biex tibqa’ tagħraf li l-ulied huma don, li għandu jkollhom dejjem l-ambjent adattat fejn jitnisslu, jitwieldu u jikbru b’mod seren u b’ħafna mħabba, u li l-vuċi tagħhom tinstema’ b’mod qawwi fis-soċjetà Maltija.
L-Isqfijiet qalu wkoll li l-Knisja se tkompli taħdem biex jissaħħu ż-żwiġijiet u l-familji f’pajjiżna, u tibqa’ turi l-apprezzament lejn tant ommijiet u missirijiet li qed jitħabtu biex jgħixu b’fedeltà l-missjoni insostitwibbli tagħhom u jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom.
Tista' taqra l-istqarrija sħiħa hawn taħt bil-Malti jew bl-Ingliż.