“Il-Knisja trid tkun lesta twaqqaf proġett anke jekk ikollha l-permessi kollha”

Dalgħodu kompliet għaddejja l-konferenza organizzata mill-Kummissjoni Interdjocesana Ambjent dwar l-Enċiklika tal-Papa Franġisku “Laudato Si” li qed issir fil-Kurja tal-Isqof ir-Rabat Ghawdex.
Ġie diskuss dokument li jelenka sensiela ta' proposti ghar-riflessjoni u għall-azzjoni mill-Knisja.
Proposta minnhom tgħid li l-Knisja għandha tkun lesta biex fejn hemm bżonn, tirrifjuta li twettaq proġetti sabiex jitkattar il-ġid komuni – anke jekk ikollha l-permessi kollha li tagħtiha l-liġi.
Għandu jkun hemm ukoll struttura fil-Kurja li tiskrutinja kull proġett ambjentali.

L-ewwel punt jirrikmanda li l-Knisja tieħu l-inizjattiva tissieħeb ma’ entitajiet lokali u nazzjonali biex toffri programmi ta’ edukazzjoni ambjentali li jiffukaw fuq l-ekoloġija integrali.
It-tieni prinċipju huwa dak ta żvilupp ta’ attitudnijiet u valuri li jibnu etika ambjentali. Jistaqsi kemm il-Knisja hi lesta li tinfatam mill-mudell ekonomiku preżenti mibni fuq il-konsumeriżmu li jwassal għall-eċċessi fl-użu ta’ riżorsi, tal-art u anke fil-festi.
It-tielet prinċipju jirrigwarda l-iżvilupp ta’ ħiliet li jkabbru l-kreattività u l-ħeġġa li jwasslu għall-konverżjoni ekoloġika.
Ir-raba’ u l-aħħar pilastru huwa dak tal-involviment attiv tal-Knisja f’azzjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
Jgħid li filwaqt li l-Knisja trid tevita kull forma ta’ partiġġjaniżmu, għandha toħloq pressjoni pubblika biex tieħu deċiżjonijiet favur  politika  ambjentali.
Għandha tiżgura proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet dwar proġetti li se jkollhom impatt fuq il-komunità.
Id-dokument jgħid li meta l-Knisja tkun se tiddisponi minn art jew bini għandha taddotta politika trasparenti b’konsultazzjoni ta' veru mal-komunità Nisranija.
Isemmi kif matul is-sena liturġika, kull parroċċa u ordni reliġjuż għandhom iħejju pjan b’miżuri li jkopru diversi oqsma u attivitajiet fosthom il-festi u l-logħob tan-nar, l-użu ta’ propjetà tal-Knisja, tal-enerġija u l-immaniġġjar tal-iskart.
Fl-aħħar nett id-dokument isemmi kif il-Knisja għandu jkollha linji-gwida ċari dwar l-użu tal-art u l-bini tagħha ħalli dawn verament jintużaw għall-ġid komuni.