“Il-Knisja trid tkun iktar qrib dawk bla xogħol u l-morda”

L-Isqof ta’ Għwdex Mario Grech saħaq li l-Knisja trid tqiegħed idejha fost l-oħrajn fuq il-laħam tal-marid, ta’ min hu bla xogħol, ta’ min qed ibati l-inġustizzja, ta’ min qiegħed f’relazzjoni affettiva irregolari u ta’ min għandu kriżi ta’ fidi.
Fid-diskors tal-awguri tas-sena l-ġdida lill-kleru, l-Isqof qal li d-diskors dwar Alla jsir ħafna astratt jekk mhux ukoll kiebi, meta jkun distakkat mill-esperjenza umana. Żied jgħid li lill-bniedem wieħed jista’ jifhmu u jirrispettah biss fl-isfond tal-infinit.
Fisser li meta fil-kuxjenza tal-bniedem iseħħ l-assassinju ta’ Alla, il-ħajja tal-bniedem issir telfa kontinwa.
Saħaq li jekk Alla ma jeżistix, kollox hu permess. Staqsa xi jżomm lill-bniedem milli jelimina l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf jekk m’hemmx Alla.
Waqt li kkwota soċjoloġi u analisti dwar li l-Knisja tilfet kull saħħa biex tippromwovi dik il-kultura li għal ħafna żmien kienet tħoss li għandha tgħaddi lis-soċjetà, l-Isqof stqarr li l-Knisja għandha tistaqsi x’għandha tkun il-viżjoni u l-azzjoni pastorali tagħha.
Insista li s-sigriet biex il-Knisja ta’ Kristu jkollha futur anke f’Malta u Għawdex, hu li jixxandar il-“ferħ tal-Vanġelu li jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù” (Evangelii Gaudium, 1).
Mons. Grech sostna li jekk il-poplu jiġi mċaħħad minn din l-għamla ta’ evanġelizzazzjoni, u jekk iħabbat il-bibien u minflok isib min iferrħu isib min ikun arroganti u jgħajjat miegħu, dan se jkompli jehda fir-reliġjożità popolari – joħloq it-teatrini sagri u jesplora esperjenzi spiritwali jew psewdospiritwali oħra.
Qal li sar jaf li f’Għawdex hemm min jipprattika r-reiki bħala mezz ta’ fejqan u interċessjoni, il-meditazzjoni b’orjentazzjoni egoċentrika u bla Alla, il-qari tax-xorti u l-prattika tan-nekromanzija.
L-Isqof Grech esprima x-xewqa li fix-xhur li ġejjin titnieda l-Missjoni Djoċesana, li fi kliemu se tkun azzjoni pastorali mqassma f’diversi fażijiet.