Il-Knisja trid tisma’ u twieġeb għad-domandi tal-poplu

Li twieġeb għall-mistoqsijiet u tagħti intervisti hu “riskju pastorali” li l-Papa Franġisku hu lest li jieħu għax dan hu l-aħjar mod li tkun taf x’inhu t-tħassib tan-nies u twieġeb għalih.
“Naf li dan jista’ jagħmilni vulnerabbli, imma hu riskju li rrid nieħu”. Dan kitbu l-Papa f’introduzzjoni ta’ ktieb li fih hemm miġbura sessjonijiet ta’ mistoqsija u tweġiba li hu kellu f’diversi postijit madwar id-dinja.
Il-ktieb bit-Taljan, “Adesso fate le vostre domande” (Issa għmlu l-misoqsijiet tagħkom) kien mistenni joħroġ għall-pubbliku llum u hu miġbur mill-Ġiżwita Antonio Spadaro.
“Irrid nara Knisja li taf tiddjalogu u tidħol f’konverżazzjonijiet man-nies”, kiteb il-Papa fl-introduzzjoni. Il-mudell għandu jkun dak tar-rakkont tal-Evanġelju meta Kristu Rxoxt iltaqa’ mad-dixxipli fit-triq ta’ Emmaus. “Kristu intervista lid-dixxipli li kienu mexjin, skoraġġiti.  Għalija dik l-intervista hi parti minn din il-konverżazzjoni li l-Knisja qed ikollha mal-irġiel u n-nisa llum”, qal il-Papa.
L-intervisti dejjem għandhhom valur pastorali u l-Papa Franġisku jqis li dawn huma parti importanti mill-ministeru tiegħu, kif inhu parti mill-ministeru li jistieden grupp żgħir ta’ nies kuljum, fil-għodu kmieni, għall-quddiesa f’Santa Martha. Il-Papa jqis li l-kappella ta’ Santa Martha, fejn jgħix, hi l-parroċċa tiegħu u jħoss il-bżonn li fiha jikkomunika man-nies.
Hu qal li fl-intervisti, il-ġurnalisti dejjem jistaqsu domandi li huma fuq moħħ in-nies.
L-aktar appuntament regolari li għandu biex jagħti l-intervisti, il-Papa jqis li hu meta jkun fuq l-ajruplan qed jirritorna lejn Ruma minn xi vjaġġ li jkun għamel barra l-pajjiż meta jagħti konferenza tal-aħbarijiet lill-ġurnalisti li jkunu akkumpanjawh fil-vjaġġ.
“F’dawk il-vjaġġi nħobb inħares f’għajnejn in-nies u nwieġeb għad-domandi tagħhom b’mod sinċier. Naf li rrid inkun prudenti u nittama li hekk jien. Dejjem nitlob lill-Ispirtu s-Santu qabel nibda nisma d-domandi u nirrispondihom”, kiteb il-Papa.
L-aktar li jippreferi huma intervisti ma’ magazines u ġurnali żgħar. “Hemm inħossni tassew rilassat. F’dawk l-intervisti veru nkun qed nisma d-domandi u t-tħassib tan-nies komuni. Nipprova nwieġeb b’mod spontanju, b’mod li jinftiehem u mhux b’formoli riġidi.
Il-Papa qal li anke meta d-domandi jingħatawlu minn qabel, ma jippreparax ir-risposti tiegħu minn qabel għax hu importanti li jara l-persuna tagħmel id-domanda u jirrispondi direttament. “Nibża li nkun miżinterpretat, imma nirrepeti, lest nieħu dan ir-riskju pastorali”, kiteb Papa Franġisku.