Il-Knisja torganizza kampanja ta’ posters kontra l-President Kabila

Il-Knisja Kattolika fir-Republika Demokratika tal-Congo organizzat kampanja ta’ posters kontra li Joseph Kabila jingħata t-tielet terminu bħala President tal-pajjiż.
Il-Knisja hi determinata li topponi l-kandidatur ta’ Kabila għall-Presidenza fl-elezzjoni li mistennija ssir f’Diċembru li ġej, permezz ta’ kampanja intitolata “Le għat-tielet terminu presidenzjali/ Le għall-Bidla Kostitutzzjonali”.  Il-kampanja kienet imnedija mill-Kunsill tal-Appostolat tal-Lajċi tal-Congo, fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Permezz ta’ din il-kampanja l-Knisja qed tfakkar fil-kontenut ta’ dak li hu magħruf bħala “Il-Ftehim ta’ San Silvestru biex tintemm il-Kriżi” li kien iffirmat fl-2016 minn Kabila u l-partiti tal-Oppożizzjoni taħt l-awspiċi tal-Konferenza Episkopali tal-Congo.
Dan il-Ftehim kien wassal biex waqqaf ġimgħat sħaħ ta’ dimostrazzjonijiet u protesti mill-partiti tal-Oppożizzjoni u s-soċjeta’ ċivili wara li ntemm it-tieni terminu kostituzzjonali tal-President. Dak il-Ftehim kien jipprovdi li Joseph Kabila li ilu fil-poter mill-2001, jorganizza elezzjonijiet trasparenti li fihom hu ma jkunx kandidat.
Iżda Kabila kiser diversi provvedimenti ta’ dan il-Ftehim u dan wassal biex l-Isqfijiet tal-Congo joħorġu diversi stqarrijiet jitolbu biex Kabila ma jisfurzax lilu nnifsu biex ikun President għat-tielet darba.
In-nominazzjonijiet għall-elezzjoni tal-Presidenza tal-Congo jiftħu fil-25 ta’ Lulju u jibqgħu jintlaqgħu sat-8 ta’ Awissu. Jidher li Kabila se jerġa’ jitfa’ n-nominazzjoni tiegħu kontra dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni u l-Ftehim ta’ San Silvestru li hu stess iffirma.